Il-PN B’Mozzjoni Fil-Parlament Biex Tordna Lil Konrad Mizzi Jixhed Quddiem Il-PAC

 Il-PN B’Mozzjoni Fil-Parlament Biex Tordna Lil Konrad Mizzi Jixhed Quddiem Il-PAC

Il-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni parlamentari sabiex jitlob lil Konrad Mizzi jixhed quddiem il-Kumitat Permanenti għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC). Dan kien mħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet illum wara nofs in-nhar indirizzata mid-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, li hu wkoll iċ-Chairman tal-PAC, flimkien mad-Deputati Karol Aquilina u Ryan Callus.

Beppe Fenech Adami qal li l-aġir ta’ Konrad Mizzi hu irresponsabbli u ma jagħmilx ġieħ lill-Parlament, lid-deputati u lill-politiċi ta’ pajjiżna. Tenna li mhux aċċettabbli li jibqa’ jwebbes rasu meta fil-passat rajna eks Prim Ministru, eks Ministri u eks Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Għaldaqstant, hu qal li Robert Abela issa għandu l-okkażjoni jaġixxi billi jaċċetta li l-Mozzjoni titressaq illum stess, lejlet il-laqgħa li jmiss tal-PAC u jivvota favuriha.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina appella lill-Parlament biex ikun unanimu fit-talba lil Konrad Mizzi jixhed fil-PAC biex mill-kliem jgħaddi għall-fatti.

Hu nnota kif l-eks Ministru Laburista qed juża’ bħala paraventu linja gwida li tgħid li Membru Parlamentari jista’ jagħżel li ma jixhidx, għalkemm din mhix regola. Min-naħa l-oħra, l-Erskine May – li hu d-dokument li jiggwida l-ħidma Parlamentari – jgħid li jekk Membru Parlamentari jibqa’ jirrifjuta mill-jixhed fil-PAC, għandha tkun il-Kamra li tordnalu.

Id-Deputat Ryan Callus qal li hu fl-interess tal-poplu li Konrad Mizzi jwieġeb, ladarba hu l-poplu li qed iħallas bl-għoli fil-kontijiet. “Pereżempju, l-10 miljun ewro fuq sena u nofs għax l-eks Ministru Laburista għażel lill-Electrogas minflok l-orħos sors, bħall-Interconnector.”

Ryan Callus fakkar kif, fost l-oħrajn, kien l-istess Konrad Mizzi li għamel hedging biex il-gass jinxtara mill-kumpanija Ażera Socar, bi spejjeż għall-poplu Malti u Għawdxi ta’ 40 miljun aktar b’mod rikorrenti kull darba li jinxtara l-gass.

Hu rrefera wkoll għal kif il-poplu diġà ħallas 50 miljun ewro żejda f’kontijiet minħabba mekkaniżmu ħażin li qed iħaddem il-Gvern Laburista.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com