“Il-Protezzjoni Tas-Sajjieda Tradizzjonali Għandha Tingħata Prijorità” – Alfred Sant

 “Il-Protezzjoni Tas-Sajjieda Tradizzjonali Għandha Tingħata Prijorità” – Alfred Sant

F’intervent lill-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, l-eks Prim Ministru Alfred Sant qal li huwa mportanti ħafna li tiġi protetta l-bijodiversità tal-Mediterran u jiġu kkonservati l-istokkijiet tal-ħut. Madanakollu, huwa enfasizza li huwa ugwalment vitali li jiġu protetti s-sajjieda tradizzjonali tal-Mediterran.

L-MPE Laburista esprima l-appoġġ tiegħu għal rapport dwar il-bini mill-ġdid tal-istokkijiet tal-ħut fir-reġjun tal-Mediterran u argumenta li “t-tnaqqis ta’ xi stokkijiet ilu jilħaq livelli irriversibbli.” Sant esprima tħassib li l-bijodiversità hija taħt periklu sinifikanti u saħaq li “hija meħtieġa azzjoni korrettiva immedjata.” Minkejja dan, din l-aħħar azzjoni ma tistax idgħajjef is-sopravivenza tas-settur tas-sajd iżda għandu jkun hemm iktar ċarezza dwar liema setturi tas-sajd se jingħataw l-iktar prijorità.

Il-plenarja kienet qed tiddibatti u tivvota fuq rapport dwar il-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran. Ir-rapport jenfasizza li l-politika komuni tas-sajd għandha tkun imfassla b’mod li jintlaħaq bilanċ bejn is-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali.

Alfred Sant qal lill-plenarja li ma jagħmilx sens li l-miżuri maħsuba biex jissalvagwardjaw u jibnu mill-ġdid l-istokkijiet tal-ħut minflok jaqdu l-ħtiġijiet tas-sajd industrijali, li kien fil-biċċa l-kbira responsabbli għat-tnaqqis tal-istokkijiet tal-ħut filwaqt li marġinalizza lis-sajjieda tradizzjonali. Huwa enfasizza li l-vot futur tiegħu dwar din il-kwistjoni se jkun ibbażat kemm fuq il-ħtieġa li tiġi kkonservata l-popolazzjoni tal-ispeċi tal-ħut kif ukoll fuq il-ħtieġa li jitħarsu l-għixien tas-sajjieda tradizzjonali li għal “sekli sħaħ iffurmaw pilastru vitali tan-nisġa soċjali fir-reġjun.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com