Imħabbar It-Twaqqif Ta’ Awtoritajiet Indipendenti Għas-Setturi Tat-Trasport

 Imħabbar It-Twaqqif Ta’ Awtoritajiet Indipendenti Għas-Setturi Tat-Trasport

Għalkemm l-Awtorità tat-Trasport, kif inhi llum, qed taqdi l-funzjonijiet mitluba minnha b’mod tajjeb ħafna, minħabba l-istat dinamiku u r-ritmu mgħaġġel li s-settur tat-trasport qed jikber bih u l-isfidi attwali u dawk futuri għat-tliet setturi, li huma l-avjazzjoni, il-marittimu u tal-art, inħasset il-ħtieġa li jitwaqqfu awtoritajiet indipendenti għas-setturi rispettivi. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttra u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Il-Ministru Ian Borg qal li, “Il-gvern jemmen li wasal iż-żmien li kemm is-settur tal-avjazzjoni u kemm dak marittimu jkollhom l-awtorità rispettiva tagħhom. Iżda anke t-trasport fuq l-art. Bħalissa għaddejja d-diskussjoni nazzjonali fuq il-metro u t-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd mis-sena d-dieħla, u allura rridu naraw li jkollna awtoritajiet distinti fejn il-kumitat xogħlu se jkun li jara li dan isir u jintlaħaq – però, fl-istess ħin, irrid li anke nindirizza lill-ħaddiema kollha ta’ Transport Malta, inserrħilhom rashom, u nemmen li dan il-pass se jkun opportunità għalihom sabiex javvanzaw u jipprogressaw aktar fis-setturi speċfiċi tagħhom.”

L-Awtorità tat-Trasport f’Malta ilha 12-il sena tiffunzjona bħala l-awtorità ewlenija f’pajjiżna fejn tidħol ir-regolamentazzjoni tas-settur tat-trasport. Fl-2017, l-unika responsabbiltà mhux regolatorja li kellha kienet dik tal-bini ta’ toroq ġodda, li ġiet mgħoddija lil Infrastructure Malta. L-awtorità kienet għaqqdet is-setturi tal-avjazzjoni, il-marittimu u tal-art taħt struttura waħda regolata minn Bord tad-Diretturi u mmexxija minn Chairman u CEO.

F’dan il-kuntest, il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali waqqaf working group, immexxi mill-Prim Imħallef Emeritus Joseph Azzopardi, li se jkun qed jaħdem fuq it-tibdiliet li hemm bżonn mil-lat leġislattiv, amministrattiv u industrijali, sabiex issir il-qasma ta’ Transport Malta minn awtorità ewlenija għal tliet awtoritajiet indipendenti responsabbli għall-avjazzjoni, il-marittimu u tal-art, li joperaw taħt struttura ta’ governanza koordinata.

Il-membri l-oħra tal-working group huma l-Avukat Perit Robert Musumeci, is-Sur Roberto Cristiano u s-Sur Karl LaFerla.

Il-Malta Maritime Forum u l-Aviation Stakeholders Forum bit-tmexxija tagħhom mill-Eks Imħallef Zammit McKeon u l-Perit Karmenu Vella rispettivament se jkunu mistiedna mill-kumitat waqt il-ħidma tagħhom.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com