Konrad Mizzi Jgħid Li L-Kumitat Permanenti Dwar Il-Kontijiet Pubbliċi Huwa Eżerċizzju Partiġġjan Mill-PN
“Illum għażilt li ma nipparteċipax fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi li huwa mmexxi mill-Partit Nazzjonalista dwar il-proġett Electrogas”, kiteb l-eks Ministru Konrad Mizzi.
Tenna li dan l-eżerċizzju mhu xejn ħlief attakk partiġġan fuq il-proġett għal qalbu minn enerġija li tħammeġ ibbażata fuq Heavy Fuel Oil għal energija ibbażata fuq gass u sorsi rinnovabli, “proġett li ġab tant benefiċċji lill-poplu Malti u Għawdxi, kif ukoll lill-ekonomija ta’ pajjiżna.”
Spjega kif il-benefiċċji jinkludu fost l-orħos tariffi tal-elettriku fl-Ewropa, in-nuqqas fl-emissjonijiet, l-għeluq tal-Power Station tal-Marsa, is-salvazzjoni tal-Enemalta u spinta lill-ekonomija ta’ pajjiżna. “Huwa ċar li l-aġenda politika tal-Partit Nazzjonalista kienet mil-bidu nett kontra l-qalba għall-użu tal-gass naturali għall-ġenerazzjoni tal-elettriku f’pajjiżna.”
“Il-proġett tal-Electrogas ġa’ ġie skrutiniżżat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, li xejjen għal kollox l-allegazzjonijiet tal-Oppożizzjoni.
Huwa għalhekk li jien inqis is-sejħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi bħala xejn għajr eżerċizzju politiku partiġġan imbuttat mill-Partit Nazzjonalista”, temm jgħid Konrad Mizzi.