Kumpanija Tal-iGaming PressEnter Se Tkun Qed Toħloq 150 Impjieg Ġdid B’Uffiċini Ġodda Ibbażati F’Malta

 Kumpanija Tal-iGaming PressEnter Se Tkun Qed Toħloq 150 Impjieg Ġdid B’Uffiċini Ġodda Ibbażati F’Malta

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri ħabbar kif il-kumpanija tal-iGaming PressEnter għażlet lil Malta bħala l-kwartieri ġenerali tagħha minn fost pajjiżi oħra Ewropej.

“Bit-tħabbira tal-pjanijiet ta’ espansjoni u l-kwartieri ġenerali ġodda fuq sitt sulari fil-qalba ta’ Tas-Sliema, PressEnter hija xhieda tal-fiduċja li din l-industrija għandha fil-politika tal-gvern. Din il-kumpanija kabbret l-ammont ta’ ħaddiema b’erba’ darbiet matul l-aħħar sena, u se tkompli tkabbar l-ammont għal madwar 250, jiġifieri ħolqien ta’ 150 impjieg ġdid,” qal il-Ministru Schembri.

Il-Ministru Schembri nnota kif 25% tal-ħaddiema huma Maltin. “Dan jinkoraġġixxi lilna sabiex, bħala gvern, inkomplu ninvestu fl-edukazzjoni sabiex nassiguraw li Malta tkabbar it-talent tagħha f’dan is-settur. Min-naħa tagħna bħala gvern, għaddejja ħidma u ninsabu fil-proċess li nattiraw venture capital funds biex isir investiment speċifiku fil-qasam ta’ video game development. Barra minn dan, impenjati biex inkomplu nsaħħu t-talent li għandna, tant li fil-jiem li ġejjin se jkun iffirmat ftehim ma’ UNITY, sabiex ikunu mħarrġa għalliema biex dawn ikunu jistgħu jgħallmu l-lingwa f’dan il-qasam,” qal il-Ministru Schembri.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija PressEnter is-Sur Lahcene qal li meta kienu qed ifittxu fejn se jkomplu jkabbru l-operat tagħhom, ħarsithom waqgħet fuq bosta ġurisdizzjonijiet fl-Ewropa, iżda minnufih kien deċiż li jespandu f’Malta.

“Fattur ewlieni huwa li Malta toffri l-aqwa talent imfittex f’din l-industrija, kif ukoll l-appoġġ li jeħtieġ dan is-settur, inkluż ir-relazzjoni tajba bejn ir-regolatur, il-Malta Gaming Authority u Gaming Malta,” qal is-Sur Lahcene.

Dwar il-greylisting, is-Sur Lahcene stqarr li minkejja dan Malta tibqa’ l-aħjar għażla għal bosta kumpaniji fis-settur. Dwar dan is-suġġett, kemm il-Ministru Schembri kif ukoll is-Sur Lahcene nnutaw l-impenn taż-żewġ naħat sabiex kull min hu involut jiġbed l-istess ħabel sabiex Malta toħroġ b’suċċess minn din il-lista.

L-Uffiċċjal Kap Operattiv ta’ Gaming Malta Ivan Filletti rrimarka kif is-settur tal-iGaming qed ikompli jikber, kif ukoll joħloq u jilqa’ għal opportunitajiet ġodda. “Li tara kumpaniji bħal PressEnter Group iżidu l-attività tagħhom u l-investiment, flimkien ma’ ħaddiema b’talent kbir, ikompli jsaħħaħ il-kredenzjali ta’ Malta bħala ‘Home of Gaming Excellence’,” qal is-Sur Filletti.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com