L-Arti, Il-Kultura U L-Kreattività Ċentrali F’Malta Li Rridu Għal Uliedna

 L-Arti, Il-Kultura U L-Kreattività Ċentrali F’Malta Li Rridu Għal Uliedna

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera indirizza konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li Rridu għal Uliedna’, fejn tkellem dwar kif il-Baġit 2022 wera fiduċja fis-settur artistiku u kreattiv kif ukoll jaħseb għall-futur sostenibbli tas-settur kulturali u kreattiv Malti. Sostna li f’dan il-perjodu ta’ rkupru mill-pandemija l-Gvern xorta sab il-fondi meħtieġa sabiex ikompli jistimula u fl-istess waqt jipproteġi s-settur kulturali, fejn rajna żieda ta’ 9 miljun ewro fuq il-baġit li għadda.

Il-Ministru sostna kif matul din is-sena, b’investiment totali ta’ €5.62 miljuni, ġew maħruġa 14-il skema li jappoġġjaw l-irkupru tas-setturi kulturali u kreattivi ta’ pajjiżna. F’dan il-baġit ġew mħabbra diversi miżuri oħra li jkomplu fuq din il-ħidma, fosthom €1 miljun għal skema ta’ garanzija għall-attivitajiet artistiċi indipendenti sabiex jiġu rkuprati spejjeż minħabba r-restrizzjonijiet mhux mistennija; €1 miljun għal skema ta’ għajnuna għal proġetti artistiċi indipendenti; €2 miljun għall-iskema ta’ għajnuna li tingħata għal seats li ma jkunux jistgħu jinbiegħu minħabba r-restrizzjonijiet ġodda fuq l-avvenimenti. Il-Ministru tenna li permezz tal-miżura l-ġdida mħabbra fil-Baġit fejn ir-rata ta’ taxxa tad-dħul għall-artisti ser tkun mnaqqsa għal 7.5%, twettqet wegħda oħra elettorali tal-Manifest 2017.

Il-Ministru spjega li l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, għas-sena li ġejja, qed tħejji programm kulturali varjat li ser jarrikixxi l-ħajja kulturali ġewwa l-Belt Valletta, inkluż numru ta’ attivitajiet għal żmien il-Milied. Dan huwa mezz ukoll ta’ kif din l-Aġenzija tagħti spinta lill-ħajja ekonomika tal-Belt Valletta. Huwa kompla li matul din is-sena kompliet il-ħidma sabiex ressaqna il-Festa Maltija,  li hija sinonima u parti integrali mill-identita tagħna l-Maltin, biex tiġi rikonoxxuta mill-UNESCO bħala wirt dinji. Dwar il-Festival Kanzunetta Maltija – Mużika Mużika, il-Ministru saħaq li l-Baġit irrikonferma s-suċċess ta’ dan il-festival li rritorna din is-sena billi ingħatat żieda sostanzjali sabiex jerġa jiġi mtella b’suċċess f’Marzu li ġej, flimkien bil-parteċipazzjoni tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.

Il-Ministru Herrera ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin Festivals Malta ser toħroġ sejħa b’tender għal trailers u trakkijiet li ser jitpoġġew għad-disposizzjoni tad-dilettanti u l-artisti tal-karnival tul l-erba snin li ġejjin. “Dan sabiex meta jasal il-waqt li niċċelebraw il-Karnival kif normalment nagħmlu aħna l-Maltin, inkunu nistgħu nserrħu moħħna dwar is-sigurta tal-makkinarju li jintuża, kif ukoll fl-istess waqt inkunu konxji tal-ambjent billi ser ikunu qed jintużaw vetturi li jniġġżu anqas. Dan huwa pass kuraġġuż li ser iwassalna għal żvilupp pożittiv ieħor ta’ kif norganizzaw l-karnival f’pajjiżna.”

Huwa kompla li għas-sena 2022 Heritage Malta ngħatat €3.7 miljuni għall-proġetti ta’ rinnovar u restawr fil-mużewijiet u siti storiċi fi ħdana. Fost il-ħidmiet tagħha, ser jsir xogħol fuq il-mafkar tal-qanpiena tal-Assedju l-Kbir ġewwa l-Belt Valletta fejn Heritage Malta ser tkun qed tagħmel tiswijiet u konservazzjoni neċċessarja sabiex dan il-monument importanti jibqa’ jitgawda minn uliedna. Heritage Malta ser twaqqaf ukoll taqsima speċjalizzata dwar l-immaniġġjar tal-Belt Valletta. L-għan ta’ din it-taqsima huwa li jkompli jixpruna l-bżonnijiet tal-Belt Kapitali tagħna u b’hekk tabilħaqq iżomm isimha fil-Lista tal-Wirt Kulturali Dinji tal-UNESCO. Din it-taqsima ser tkun responsabbli li tħares l-assi storiċi u l-manutenzjoni tal-Belt Valletta.

F’dak li jirrigwardja xogħolijiet ta’ restawr, matul is-sena li ġejja d-Direttorat tar-Restawr ser ikompli jimplimenta u jwettaq xogħol ta’ restawr, konservazzjoni u riabilitazzjoni tal-wirt kulturali arkitettoniku ta’ Malta, sabiex jiżgura li dan il-patrimonju uniku jiġi ppreservat għal uliedna. Dan il-baġit ra illi jsostni dan ix-xogħol tant importanti billi jalloka €2.7 miljuni fondi nazzjonali għar-restawr ta’ forti, siti storiċi u fortifikazzjonijiet. Ser jitkompla wkoll r-restawr fuq il-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta u l-Oratorji annessi mal-Knisja fejn gew ivvutati €1 miljun. Filwaqt li s-sena li ġejja ser jitlestew ix-xogħlijiet fuq il-galleriji artistiċi u fuq l-binja li ser tospita l-uffiċini amministrattivi tal-MICAS.

Il-Ministru semma wkoll l-importanza tal-Gvern Lokali fil-komunitajiet tagħna u dan ser ikun sostnut b’qafas ġdid ta’ politika li ser tindirizza l-bżonnijiet fil-komunitajiet li ngħixu fihom, b’viżjoni li ser tkopri l-10 snin li ġejjin. Matul is-sena d-dieħla ser jerġgħu jinħarġu numru ta’ skemi ta’ finanzjament lill-Kunsilli Lokali u Reġjonali, fejn ġew ivvuttati €3 miljun. Spjega wkoll li kien hemm żieda ta’ €1 miljun fl-allokazzjoni lill-Gvernijiet Lokali, kif ukoll ser titkompla l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-ICT għall-Gvern Lokali.

“Dan il-Gvern tul dawn l-aħħar 8 snin ma waqafx jaħdem fl-interess tal-arti, tal-kultura u tal-protezzjoni tal-wirt nazzjonali tagħna. Bħalma rnexielna ntejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, tal-artisti u tal-kreattivi tagħna, żgur ma kinitx ħa tkun il-pandemija u l-effetti li ġabet magħha li twaqqafna milli nsibu s-soluzzjonijiet sabiex insostnu dak li nemmnu fih, dak li nagħtu valur lil dak li jagħmilna min aħna, li nagħtu futur u nħallu kundizzjonijiet li jixierqu lil min jaħdem f’dan is-settur u li lill-uliedna nħalluwlom pajjiż aħjar milli sibna,” kkonkluda l-Ministru Herrera.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com