“Lilna Ser Isibna Lesti…Jagħmel X’ Jagħmel…Il-Poplu Għatxan Għal Tmexxija Li Twessa L-Orizzonti” – Peter Agius

 “Lilna Ser Isibna Lesti…Jagħmel X’ Jagħmel…Il-Poplu Għatxan Għal Tmexxija Li Twessa L-Orizzonti” – Peter Agius

“Bosta sorsi fil-Partit Laburista jindikaw li Abela ser iħabbar elezzjoni għal Novembru. Jekk dan huwa minnu, jikkonferma li dan huwa budget fake. Eżerċizzju ta’ PR aktar milli twettiq ta’ politika ekonomika għaqlija.”

Dalgħodu hekk kiteb il-Kelliem Ewlieni tal-PN Peter Agius ftit siegħat biss qabel ir-reazzjoni għad-diskors tal-Budget mill-Kap tal-PN Bernard Grech fejn il-lejla mistenni jagħti l-viżjoni tal-partit għall-Malta kif ukoll jipprova jikkonvinċi l-eluf kbar ta’ votanti li għadhom mhux konvinti lil min iridu jivvutaw fl-elezzjoni għal diversi raġunijiet.

Peter Agius kompla jgħid li “bħal sidu Muscat, Abela għandu bżonn elezzjoni biex tbegħdu mill-kalċi tal-imrar. Il-kalċi tal-Greylist, ta’ dejn jispara l-fuq u reġim politiku ta’ ħela u direct orders li jew titimgħu jew jibilgħek ħaj.”

Fil-messaġġ tiegħu fuq il-mezzi soċjali, possibbilment kif qed ikun spekulat ftit sigħat ukoll qabel il-Prim Ministru Robert Abela jħabbar elezzjoni, Agius tenna li “l-Prim Ministru għandu bżonn elezzjoni biex mingħalih jibda bi ‘clean sheet’. Ma jaffordjax li jidħol Jannar għax Jannar se jġib miegħu aktar għawġ, aktar due diligence, aktar persekuzzjoni tan-negozji, aktar skadenzi ta’ dejn li ġia bħalissa qiegħed 4 miljuni kuljum.”

Il-Kelliem tal-PN Peter Agius temm jgħid li “lilna ser isibna lesti – jagħmel x’ jagħmel – lesti li nesponu l-veritajiet li huwa jrid jaħbi. Lesti biex noffru wens u soluzzjonijiet lill-Maltin u l-Għawdxin b’viżjoni tal-bidla għal pajjiż sostenibbli. Pajjiż b’saħħtu għax konvint mill-kapaċitajiet ta’ poplu bieżel u kreattiv, poplu għatxan għal tmexxija li twessa l-orizzonti, li tattira setturi industrijali ġodda bis-saħħa ta’ reputazzjoni tajba.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com