Milied Ta’ Tama Ġdida…?
Xahrejn oħra nkunu qed niċċelebraw il-Milied. Bla dubju din is-sena b’aktar aspettativa li nkunu nistgħu niċċelebraw dawn il-jiem sbieħ mal-familja u l-ħbieb, xi ħaġa li s-sena l-oħra ma stajniex nagħmlu.
Dawn ikunu jiem sbieħ ta’ għaqda li din is-sena nittamaw li ħa jkunu qed iwassluna għal-sena aħjar, aktar qrib in-normalita’. Min jaf, nittamaw li tkun is-sena li nerġgħu naraw ir-ritorn tal-Festi tant popolari u bosta avvenimenti oħra li jagħmlu u jsawru l-identità tagħna l-Maltin.
Hawn diversi nies li verament jħobbu żmien il-Milied u bħal issa jkunu qegħdin fuq ix-xwiek biex jibdew jarmaw djarhom bl-aqwa armar biex joħolqu l-aqwa atmosfera possibbli.
Bosta qed nistennew ukoll xi aħbar mill-awtoritajiet tas-saħħa biex naraw jekk hux ħa jkunu qed ikomplu jonqsu l-miżuri wkoll hekk kif bħal issa qed ikunu studjati r-riżultati tal-avveniment li sar bi prova kif ukoll is-sitwazzjoni fl-iskejjel.
Nittamaw għal żminijiet dejjem aktar aħjar.