Camerata! Rumanz Ġdid Ta’ Aleks Farrugia

 Camerata! Rumanz Ġdid Ta’ Aleks Farrugia

SKS Publishers tħabbar it-tnedija u pubblikazzjoni ta’ Camerata!, ir-rumanz ġdid ta’ Aleks Farrugia. Dan ir-rumanz, li diġà ntlaqa’ tajjeb mill-kritiċi, għandu laqta’ polizjeska u huwa ambjentat fis-snin tletin tas-seklu għoxrin.

F’Camerata!, Aleks Farrugia ilaqqagħna ma’ Salvu Camilleri, spettur li l-hena tiegħu huma l-għawm u s-sajd. Camilleri mhuwiex l-ispettur tipiku li mdorrijin niltaqgħu magħhom f’rumanzi polizjeski – imma lanqas Camerata! mhuwa rumanz tipiku polizjesk. Fl-isfond tal-ġrajja ewlenija, fejn l-ispettur Camilleri jingħata missjoni importanti għas-sigurtà tal-pajjiż, l-awtur jeħodna fl-imgħoddi tal-ispettur u jlaqqagħna mad-dimonji kollha li jżommu lil Camilleri milli jorqod bil-lejl.

Kif issa drajna naqraw fil-kitba ta’ Aleks Farrugia, Camerata! jidħol f’temi storiċi biex jesplora l-imgħoddi daqs kemm il-preżent. It-tradiment, l-inġustizzja u d-disprament li ġġib magħha, il-korruzzjoni, il-ħelsien u d-dilemmi morali huma fost l-aspetti li jiddomminaw dan ir-rumanz.

Ir-rumanz jiftaħ bi pjan tal-Italja Faxxista għall-invażjoni ta’ Malta. Vjaġġ f’Ruma, sett ta’ pitturi suspettużi, ktieb aħmar li Salvu Camilleri jrid jakkwista akkost ta’ kollox; id-dell ta’ raġel maqtul intortament, ta’ prostituta misjuba mbiċċra fi Strada Stretta, ta’ omm li tilfet il-ħeġġa li titkellem; relazzjonijiet mimlija tensjoni, wegħdi mhux miżmuma u mistoqsijiet mhux imwieġba. Dawn huma ftit mill-ingredjenti li jagħlu Camerata! rumanz mill-aktar intriganti, li la darba taqbdu f’idejk ma tkunx trid titilqu.

Il-poeta, kritiku u lettur Norbert Bugeja, dwar Camerata! jgħid: “Ir-rumanz Camerata! jitfagħna b’ruħna u ġisimna fil-kurrent ta’ ġrajjiet imqanqla daqskemm hu mqanqal il-perjodu storiku li fih ibbażat ir-rumanz — mument li fih, f’għajn il-ħakma tal-qawwiet il-kbar Ewropej, hemm jilgħab id-destin ta’ pajjiż daqskemm ta’ kontinent sħiħ. L-istorja li jagħtina Farrugia tiżvolġi permezz tal-intrigu, it-tradiment, l-intreċċ politiku u dak sesswali, u fuq kollox il-ħeffa li biha l-azzjoni tiċċaqlaq bla sforz ta’ xejn bejn ix-xewqat u t-twegħir l-aktar intimu tal-bnedmin u l-kunflitt storiku li fih maqbuda Malta fid-dell tad-Duċe u l-imperu Ingliż. L-Ispettur Salvu Camilleri jkollu jitħabat mal-qawwa ta’ imgħoddi li għadu jqalleb il-preżent bl-avvenimenti mċajpra tiegħu u t-tensjonijiet li jibqa’ joħloq. Hawn qed isseħħ avventura umana li, aħna u mixjin magħha, l-azzjoni tkun diġà qed isseħħ ġo fina qabel biss nintebħu. Ir-rumanz il-ġdid ta’ Farrugia jfakkarni f’waqtiet minn Stendhal, Eco u Chandler magħġuna flimkien — fi trama induttiva li żżommok fuq ponot subgħajk, u li kultant iġġiegħlek titfixkel intix qed tqalleb il-paġni tal-ktieb, jew dawk ta’ ħajtek.”

Min-naħa tiegħu, il-Professur John Portelli, kittieb u edukatur, jistqarr: “F’Camerata!, b’Malti mirqum u mexxej, Aleks Farrugia joħloq storja ferm intriganti u ta’ suspens dwar Malta qabel it-tieni gwerra dinjija. Il-karattri huma ħajjin u enerġetiċi, u bi djalogu fin u niggieżi, jirriflettu dwar mentalitajiet ta’ korruzzjoni, ġibdiet ta’ passjoni, il-ġlieda għall-verita u għall-ġustizzja, u fl-istess ħin juruna li ċertu affarijiet fil-ħajja ma jitbiddlu qatt! B’deskrizzjonijiet dettaljati u friski Farrugia jdaħħalna sewwa ħafna fl-atmosfera tal-epoka tar-rumanz, u fl-istess ħin inħoss li Farrugia mhux kittieb magħluq f’kamra waħdu, imma juża lenti fina ħafna biex joqrosna dwar dak li qed jiġri madwarna llum bil-vuċi u kostruzzjonijiet ta’ 90 sena ilu li għadhom wisq relevanti għalina llum. Farrugia huwa kittieb ta’ stoffa u raffinezza kbira li ma jaċċettax il-kompliċita` f’kull forma li niltaqgħu magħha. Ilni ħafna ma naqra rumanz ta’ tant livell għoli u fl-istess ħin iġiegħlek tkompli taqra u taqra, u tinsa torqod ukoll!”

David Aloisio, huwa wkoll kritiku u lettur, dwar Camerata! jgħid: “Dan ir-rumanz jista’ jitqies bħala eżerċizzju effettiv ta’ retrospezzjoni daqskemm bħala opportunità għall-qarrejja biex jixtarru r-realtà soċjali li jgħixu fiha llum il-ġurnata – realtà li, bħal dik li għex l-Ispettur Salvu Camilleri, tant tleqq li tgħammex l-għajnejn u ma tħallihomx jagħrfu x’hemm moħbi taħtha.”

Camerata! se jkun imniedi nhar id-29 ta’ Ottubru fil-Valletta Design Cluster, fis-7.00pm. Il-pubbliku huwa mistieden u mfakkar biex iġib miegħu ċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com