Min Hi Amanda Spiteri Grech?

 Min Hi Amanda Spiteri Grech?

Omm ta’ żewġt itfal, avukat u għal snin twal għallimt f’diversi skejjel statali.

Ħdimt għal diversi snin fl-istrutturi tal-Partit Laburista fejn għal iktar minn għoxrin sena kont parti mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ ONE TV bħala ġurnalista u xandara. Għal diversi snin, kont naqra l-aħbarijiet kemm fuq ir-radju u t-televiżjoni. Matul is-sena li għaddiet kont nippreżenta l-programm TVAM fuq ix-Xandir Nazzjonali.

Il-ġurnata tiegħi nista’ ngħid mimlija daqs bajda u nipprova nżomm bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin id-dar. Nemmen li bħala pajjiż irridu naħdmu id f’id biex niksbu iktar. Dan filwaqt li nagħmlu minn kollox biex dak li għandu bżonn l-għajnuna tingħatalu. F’ħajti, speċjalment iktar ma nikber, dejjem ħaddant ideal, dak li nagħmel dak kollu li nista’ biex ntejjeb ħajjet in-nies.

Dik hi l-missjoni tiegħi u fuq dak il-prinċipju jien se nkompli naħdem.

 

X’ħajrek tidħol għall-politika?

Jiena inħobb in-nies. Inħobb niltaqa’, nisma’ u nitgħallem man-nies. Allura meta ssaqsini x’ħajjarni nidħol għall-politika, jkolli ngħid l-opportunità li nista’ nkun hemm għan-nies. Għalija l-politika hija opportunità li tista’ tagħmel id-differenza f’ħajjet in-nies allura dan kien il-pass naturali li jmiss, f’Partit li jirrifletti l-valuri tiegħi, dak li jinvesti fin-nies.

X’inhuma s-setturi li tixtieq taħdem fuqhom fil-ħidma politika tiegħek?

Kif diġà semmejt jien persuna li nħobb immidd idejja għal dak li verament jolqot lin-nies fuq livell personali u soċjali. Ejja ngħidu dawk it-temi li jitrattaw l-umanità u s-sens ta’ komunità. Minħabba l-isfond professjonali tiegħi naturalment qalbi tiġbed lejn l-edukazzjoni, l-aspett soċjali, l-familja, l-inklużjoni u x-xogħol.

Qed issemmi l-edukazzjoni. Il-politika l-għan aħħari tagħha hija li tbiddel u ttejjeb dejjem għall-aħjar…f’dan il-qasam x’tixtieq tbiddel?

Dan huwa dibattitu għal qalbi ħafna għaliex jiena nemmen li rridu ngħinu lil kull individwu biex ħadd ma jaqa’ lura. Il-ħidma ma tista’ tieqaf qatt. L-edukazzjoni hija l-bażi ta’ kollox li timmarka l-futur ta’ kull individwu. Imma jekk kellek issaqsini fuq proġetti konkreti, naħseb li prijorità għalija hija li nkomplu ngħinu lil dawk it-tfal biex nassiguraw li l-ebda minnhom ma jaqgħu lura speċjalment tul il-vjaġġ edukattiv tagħhom. Irridu nkomplu nsaħħu l-pedamenti edukattivi biex tinħoloq pjattaforma biex it-tfal jimirħu aktar. Kull tifel u tifla għandhom x’joffru. Irridu nkomplu nindirizzaw l-illiteriżmu u l-assenteiżmu imma fuq kollox niżguraw li kull tifel u tifla joħorġu mis-sistema edukattiva b’livell xieraq ta’ edukazzjoni.

Is-settur soċjali…x’inhuma l-proposti tiegħek f’dan ir-rigward? Rajna ħafna tajjeb fl-aħħar snin hawnhekk madankollu żgur hemm x’jitjieb le?

Sar ħafna iva… fadal xi jsir? Bla dubju u dejjem. Gvern li jfalli huwa Gvern li jgħid wasalna. Irridu inkomplu niġġeddu u dan ifisser li rridu nidħlu f’impenji ġodda u nkomplu ntejbu fuq li hemm. F’dak li hu s-settur soċjali trid tifhem il-ħsieb li bih qed imexxi dan il-Gvern. Huwa qiegħed jagħti l-għodda li biha kull individwu jista’ jqum fuq saqajh, biex jgħix b’mod indipendenti. Għalkekk fl-opinjoni tiegħi hemm bżonn aktar investiment fuq l-iskemi ta’ studju u l-housing kif qiegħed jinħadem. Jiena tinteressani li jkun hemm diskors fuq livell nazzjonali fuq x’inhuma eżattament ir-raġunijiet li jistgħu jwasslu għall-faqar f’pajjiżna. Irridu nindirizzaw is-sors u la darba jiġi identifikat dan għandu jiġi indirizzat. Biex norbot ukoll ma’ dak li għidt qabel, nibqa’ nemmen li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta biex tindirizza l-faqar. Nemmen li jekk nindirizzaw b’mod sew is-snin li fihom it-tfal tagħna jirċievu edukazzjoni, inkunu qed nindirizzaw ukoll ħafna problemi soċjali li jaf inħabbtu wiċċna magħhom fl-40/50 sena ta’ wara.

Fl-aħħar nett semmejt il-familja. Milli għidtilna fuqek tidher persuna impenjata mhux ftit. Xi tgħidilna fuq il-kunċett tal-‘work life balance’? Ma taħsibx li fid-dinja mgħaġġla tal-lum dan għandna ntuh aktar importanza?

Kollox jibbaża fuq il-bilanċ. Nammetti li sakemm jinstab dan il-bilanċ mhux faċli. Nemmen li għandu jkun hemm ħin għal kollox. Madanakollu inizjattivi bħal ma huma r-remote working, child care centres u oħrajn jgħinu biex jintlaħaq dan il-bilanċ. Fil-ħajja mgħaġġla tagħna naħseb għad hemm lok kif nistgħu ngħinu, l-aktar fejn għandu x’jaqsam dwar it-tisħiħ tad-djalogu mal-oqsma ta’ min iħaddem, li għandhom jifhmu u jgħinu lil min għandu familja. Irridu nammettu li d-dinja tax-xogħol inbidlet b’mod radikali din is-sena u rridu nżommu moħħna miftuħ. Fuq kollox għandna nippremjaw il-bżulija. Madankollu għandna niprijoritiżżaw kunċetti bħal dak tal-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol. Jekk nagħmlu dan bla ma rridu nkunu qed intejbu l-effiċjenza tagħna fuq il-post tax-xogħol. Inizjattivi bħal dak tar-‘right to disconnect’ huma kruċjali f’dinja aktar diġitali fejn l-affarijiet tax-xogħol ħafna drabi llum il-ġurnata sirna nġorruhom fil-mobiles u l-laptop tagħna.

Ir-rwol tal-mara fis-soċjeta’?

Għandna bżonn ninvestu u naħdmu ħafna aktar. Saru diversi inizzjattivi pożittivi imma għad hemm lok ta’ ħafna aktar. Nixtieq nara lis-soċjetà tagħna temmen fin-nisa u mhux fuq il-bażi li għax tkun mara izda għax verament temmen fil-kapaċita’ ta’ kull individwu. Nixtieq li ma ssirx distinzjoni bejn il-fatt li dak raġel u dik mara u kollox għandu jibda minnha bħala individwi li nemmnu fil-kapaċitajiet ta’ kull wieħed u waħda minnha.

Awguri Amanda.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com