“Budget Ta’ Pajjiż Li Ħa Deċiżjonijiet Tajbin Waqt Il-Pandemija U Li Qiegħed Jirkupra” – Id-DPM Chris Fearne

 “Budget Ta’ Pajjiż Li Ħa Deċiżjonijiet Tajbin Waqt Il-Pandemija U Li Qiegħed Jirkupra” – Id-DPM Chris Fearne

Propju lbieraħ l-għada li l-gvern ippreżenta l-Budget għas-sena 2022, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien mal-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal uliedna’.

“Il-Budget li ppreżenta l-gvern huwa budget ta’ pajjiż li ħa deċiżjonijiet tajbin waqt il-pandemija u li qiegħed jirkupra.” Hekk iddeskriva l-Budget 2022 id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li aċċenna fuq il-mod kif il-gvern ħa deċiżjonijiet f’waqthom biex ipprijoritizza s-saħħa tal-poplu Malti u salva l-ħajjiet. Id-Deputat Prim Ministru rrefera għal statistiċi internazzjonali, bħal dak tan-Nikkei, ippubblikat ftit tal-jiem ilu, li  poġġa lil Malta fil-quċċata tal-klassifika tal-pajjiżi li huma mistennija jirkupraw malajr mill-pandemija.

Id-Deputat Prim Ministru ta diversi eżempji ta’ miżuri mħabbra lbieraħ li juru l-aspirazzjonijiet tal-gvern għal-lum u għall-ġejjieni. Dan billi fost oħrajn tħabbru numru estensiv ta’ miżuri fl-oqsma tal-ambjent naturali, tibdil fil-klima u tisbiħ tal-ambjent urban.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne indirizza l-kritika tal-Oppożizzjoni dwar id-defiċit tal-gvern, fejn spjega kif dan l-infiq wassal sabiex ingħataw għajnuniet finanzjarji qawwija lill-familji u n-negozji li ntlaqtu fil-pandemija u kif ukoll ippermettew li pajjiżna jattrezza ruħu b’eluf ta’ vaċċini, iktar minn miljun swab u tagħmir protettiv għall-ħaddiema. L-alternattiva għal dan l-infiq, sostna d-Deputat Prim Minsitru, kienet tkun qgħad, faqar, mard u mwiet.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal, “Il-Budget iffoka fuq l-importanza tal-iżvilupp ekonomiku permezz ta’ investiment fl-akbar riżors li għandu pajjiżna – il-kapital uman. L-iżvilupp ekonomiku jrid jimxi id f’id ma’ dak ambjentali u għalhekk dan il-Budget ħabbar l-akbar pakkett finanzjarju li qatt kellu l-gvern fil-qasam tal-ambjent u s-sostenibbiltà.”

Il-Ministru spjega kif il-Budget wieżen l-iktar lil dawk vulnerabbli u lil dawk li ġew affettwati l-iktar mill-għoli tal-ħajja. Għalhekk, l-impressjoni li wħud qed jippruvaw jagħtu li l-Budget se jkun ta’ piż fuq iċ-ċittadini assolutament mhuwiex il-każ.

Il-Ministru Caruana qal li l-Oppożizzjoni f’dan ir-rigward m’għandha l-ebda kredibilità fiskali hekk kif ftit ta’ snin ilu, fl-2012, amministrazzjoni preċedenti wasslet lill-pajjiżna għall-excessive deficit procedure. Huwa spjega kif id-defiċit għal din is-sena, minkejja l-għajnuna kollha li ta u għadu qed jagħti dan il-gvern waqt il-pandemija, huwa wieħed maniġġabbli u kumparattiv mas-snin ta’ qablu. Bil-maqlub għal meta pajjiżna kien iffaċċjat minn kriżi ekonomika, illum is-suq tax-xogħol f’pajjiżna baqa’ wieħed b’saħħtu, bil-medja tar-rata tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea tonqos b’1.7 punti perċentwali, filwaq li dik f;pajjiżna żdiedet b’0.5 punti perċentwali. Pajjiżna mistenni jirkupra b’rata mgħaġġla mill-impatt negattiv tal-pandemija, hekk kif previst tkabbir reali ta’ 6.5% u 8.6% f’termini nominali għas-sena d-dieħla.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com