Muscat u Cutajar Jirbħu T-Tellieqa Inawgurali Tal-Garmin Maltese Islands SwimRun

 Muscat u Cutajar Jirbħu T-Tellieqa Inawgurali Tal-Garmin Maltese Islands SwimRun

SwimRun huwa sport ta’ reżistenza li fih l-atleti jiġru u jgħumu matul korsa fil-kampanja u fil-baħar mingħajr ma jieqfu bejn kull taqsima. Fis-snin li għaddew seħħew numru ta’ SwimRun iżda l-Garmin Maltese Islands SwimRun kienet l-ewwel waħda min-natura tagħha.

Miżmuma ilbieraħ, l-Garmin Maltese Islands SwimRun kien avveniment mifruxa fuq it-tlett gżejjer li ra atleti jibdew f’Għawdex, jipproċedu għal Kemmuna u jispiċċaw f’Malta.

It-tellieqa bdiet fil-kampjana fin-Nadur, fuq medda ta’ 6km sa Ħondoq ir-Rummien. Wara għawma qasira fil-Bajja ta’ Kiki, il-parteċipanti spiċċaw ġewwa Ħondoq fejn kellhom jgħumu għawma ta’ 1.5km fil-fliegu tat-Tramuntana ta’ Kemmuna. Dan il-fliegu huwa magħruf għall-kurrenti qawwija u mbatt qawwi, partikolarment wara l-maltempati li laqtu l-gżejjer Maltin fis-siegħat ta’qabel it-tellieqa. Din it-taqsima kienet ikkunsidrata bħala l-iktar parti iebsa tat-tellieqa kollha.

Fuq Kemmuna, kellhom ġirja ta’ 3km li wasslithom għan-naħa l-oħra tal-gżira fejn kellhom għawma ta’ 2.5km lejn il-Bajja tal-Marfa, fejn hemm kien hemm l-aħħar medda ta ’ 6km sal-Kappella tal-Kunċizzjoni fl-Aħrax fil-Mellieħa.

Ir-rebbieħ ġenerali kien Ryan Muscat li spiċċa f’sagħtejn 38 minuta u 12-il sekonda. Huwa kien segwit minn Josef Azzopardi (2:38:28) u Hannah Cutajar li kienet qeda fuq quddiem għal parti kbira tat-tellieqa sakemm waqgħa fixklet il-progress tagħha. Madankollu kienet l-ewwel atleta femminili u t-tielet li spiċċat f’ħin ta ‘sagħtejn 39 minuta, 10 sekondi. It-tielet atleta maskili kien David Micallef li spiċċa tnejn u għoxrin sekonda wara Cutajar. Anjelika Ruggier u Debbie Caruana Dingli kkompletaw il-podju tan-nisa.

Fil-Kategorija tat-timijiet, Stefan Baluci u Margaret Seguna rebħu l-kategorija Mixed filwaqt li Matthew Joe Grima u Manuel Fenech rebħu l-kategorija tal-Irġiel.

Trofej ġew ippreżentati lir-rebbieħa minn Mark Gaglione, rappreżentant ta’Garmin Malta u Amber Ruggier li tirrappreżenta AR Fitness.

 

Ritratt: Emvigee PR & Marketing

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com