Raġel Arrestat B’Rabta Ma’ Qtil Ta’ 4 Fjammingi Fil-Qawra

Il-Pulizija arrestat ġuvni ta’ 23 sena b’rabta ma’ qtil ta’ erba’ fjammingi.
Il-każ seħħ kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-7:30am, fl-inħawi ta’ Fra Ben, il-Qawra.
Il-Pulizija ġew infurmati li kienu għadhom kemm ġew sparati tiri fuq tajr protett. Il-Pulizija ġiet infurmata wkoll li fuq il-post kien hemm vettura li allegatament kienet tal-istess persuna li spara t-tiri.
Pulizija tal-Environmental Protection Unit, tar-Rapid Intervention Unit u dawk tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u arrestaw raġel ta’ 23 sena, residenti l-Gżira. Minn tfittxijiet li saru, instabu arma tan-nar, munizzjon u erba` fjammingi mejta.
Bl-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta, ittellaw tliet fjammingi mill-baħar, filwaqt li l-ieħor instab fuq il-blat.
Is-suspettat ittieħed fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana u għadu qiegħed jinżamm għal aktar stħarriġ.