“Steward Baqgħu Ma Tawna Xejn…Imma Il-Gvern Xorta Żied B’50% L-Allokazzjoni Finanzjarja Tagħhom” – PN

 “Steward Baqgħu Ma Tawna Xejn…Imma Il-Gvern Xorta Żied B’50% L-Allokazzjoni Finanzjarja Tagħhom” – PN

“Għall-Partit Nazzjonalista, is-saħħa tal-Poplu Malti u Għawdxi hi importanti u jrid jara li jissalvagwardjaha. Il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni fit-tul u li tifhem sew fejn għandhom imorru flus il-poplu.”

Din kienet il-pożizzjoni espressa mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa Stephen Spiteri matul konferenza tal-aħbarijiet indirizzata wkoll mid-deputat Adrian Delia. F’liema konferenza kien trattat dan is-settur importanti u li l-Gvern ma tahx l-importanza li wieħed kien qed jistenna.

Stephen Spiteri qal li, minflok ma investa fis-saħħa tal-poplu, il-Gvern ta’ Robert Abela għażel li jkompli jitfa’ l-flus fil-bwiet ta’ Steward Healthcare, biex dawn ikomplu jikkontrollaw tliet sptarijiet pubbliċi. Dan meta qal li l-Partit Nazzjonalista jaf li l-Gvern qed jagħmel negozjati ġodda ma’ ta’ Steward biex il-kumpanija barranija tkompli tgawdi aktar miljuni minn flus il-poplu.

“Hu għalhekk li Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech jara li t-tliet sptarijiet jitmexxew mill-Gvern tal-ġurnata ħalli jitgawdew kollha mill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Filwaqt li l-Gvern ta’ Robert Abela qed iħalli ħaddiema ta’ Steward ikunu ddiskriminati, Gvern ġdid Nazzjonalista jara li l-miljuni li qed jingħataw ta’ Steward jintużaw biex ikunu indirizzati l-isfidi l-ġodda fis-Saħħa.”

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mid-deputat Nazzjonalista Adrian Delia, li qal li se jkompli għaddej bil-ġlieda legali li beda meta kien Kap tal-Partit biex jieqaf is-serq tat-tliet sptarijiet.

Hu kompla li l-budget li ppreżenta l-Gvern ta’ Robert Abela t-Tnejn li għadda hu konferma ta’ kif il-poplu għadu u se jibqa’ jinsteraq biex igawdu l-ftit.

Adrian Delia qal li ta’ Steward suppost kellhom jibnu fost l-oħrajn sptar ġdid qrib l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, b’bejn 200 u 250 sodda. Madankollu, sal-lum, għadha lanqas tqegħdet l-ewwel ġebla.

“Anke f’Malta kellu jkun hemm titjib fis-servizz, fost l-oħrajn b’żieda ta’ għexieren ta’ sodod għal rijabilitazzjoni in-patient u servizzi mediċi oħrajn, flimkien ma’ tagħmir ġdid, kemm fl-Isptar San Luqa kif ukoll fl-Isptar Karen Grech. Iżda minkejja li għaddew dawn is-snin kollha, għadna ma rajna xejn.”

Id-Deputat Nazzjonalista qal li filwaqt li ta’ Steward baqgħu ma tawna xejn, il-Gvern xorta aċċetta li fil-budget għas-sena d-dieħla jtihom żieda ta’ 50 fil-mija fl-allokazzjoni finanzjarja annwali.

Hu għalhekk li fakkar lil Robert Abela u lil Chris Fearne li għandhom obbligu nazzjonali li jwaqqfu dan l-aġir immorali u li jaraw li dan il-flus jintużaw biex ikunu salvati aktar ħajjiet ta’ nies.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com