Tfal Taħt It-12-il Sena Mhux Se Jkollhom Bżonn Ta’ PCR Test Biex Jattendu Attivitajiet Tal-Massa
F’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar aktar rilaxx ta’ miżuri marbuta mal-pandemija.
Il-Ministru Fearne ħabbar li minn nhar it-Tnejn li ġej tfal taħt it-12-il sena mhux se jkollhom bżonn ta’ PCR test biex jattendu attivitajiet tal-massa la darba jkunu akkumpanjati minn adulti mlaqqmin.
Dwar l-iskejjel ntqal li s’issa fl-iskejjel għadu ma ġiex rapportat każ ta’ Covid-19.
Chris Fearne qal ukoll li minn nhar it-Tnejn li ġej, in-numru ta’ persuni madwar kull mejda waqt attività se jitla’ minn sitta għal tmienja. Waqt attivitajiet tal-massa wkoll id-distanza bejn l-imwejjed se tkun qed tinżel minn żewġ metri għal metru fuq barra u għal metru u nofs fuq ġewwa.
Minn nhar it-Tnejn li ġej kull forma ta’ trasport pubbliku kemm dak fuq l-art u l-baħar jista’ jimla 80% tal-potenzjal tiegħu, minflok 65% tas-seating kif kienet sa issa.
Rigward l-attivita tal-massa li saret bi prova l-Ministru Chris Fearne qal li r-riżultati mistennija joħorġu matul il-ġimgħa d-dieħla.
Rigward it-tilqima tal-influwenza l-Ministru Fearne qal li din ħa tkun qed tibda tingħata mill-25 ta’ Ottubru.