Tinfetaħ Il-Gozo Motorcross Junior Academy
Waqt attività li saret is-Sibt filgħaxija, fil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nfetħet il-Gozo Motocross Junior Academy.
Il-Gozo Motorcross Association ibbenefikaw minn fond ta’ €5,000 permezz tal-Gozo sports Scheme li nieda l-Ministeru għal Għawdex. Fil-fatt, b’dan il-finanzjament din l-akkademja fost l-oħrajn xtrat 3 muturi ġodda sabiex issa tfal li juru x-xewqa li jippruvaw dan l-isport, se tingħatalhom din l-opportunità.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li tfal fl-età tenera ta’ 6 snin diġà qed jippromettu f’dan l-isport fi gżiritna, filwaqt li faħħar lill-Gozo Motocross Association tal-inizzjattiva.
Huwa temm jgħid li għal dan il-Gvern l-isports fi gżiritna huwa prijorità bil-fatti u l-Ministeru għal Għawdex huwa kommess li jkompli jinkoraġġixxi aktar attivitajiet sportivi u parteċipazzjoni fl-isports filwaqt li jżid is-sapport f’dan is-settur.