45 Inizjattiva Li Se Jwasslu Għal Servizz Ta’ Eċċellenza – Imnedija L-Istrateġija Ġdida Għas-Servizz Pubbliku
Ġiet imnedija l-istrateġija l-ġdida ta’ 5 snin għas-Servizz Pubbliku, bil-viżjoni aħħarija tkun li jinkiseb servizz ta’ eċċellenza. Din l-istrateġija ħolistika, li hi l-ewwel tax-xorta tagħha, se tibbaża fuq tliet elementi ewlenin li huma n-nies, it-teknoloġija u s-servizz. Dawn se jħaddnu tliet prinċipji li se jkunu ta’ gwida f’kulma jsir, il-kwalità, il-kontabbiltà u s-sostenibbiltà.
Waqt il-konferenza ‘Lejn Servizz ta’ Eċċellenza’ li għaliha attendew l-ogħla uffiċjali tas-Servizz Pubbliku, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar fisser li din il-viżjoni għandha l-għan li twassal għal servizz pubbliku li jiffunzjona mingħajr intoppi, li jagħti rendikont u li jaħdem b’mod sostenibbli u konsistenti biex jagħti servizz ta’ eċċellenza.
Spjega li l-istrateġija l-ġdida tinkorpora fiha 45 inizjattiva, maqsumin skont it-temi li se jservu bħala programm ta’ ħidma biex titwettaq il-viżjoni fil-ħames snin li ġejjin. L-istrateġija tispjega wkoll kif se jitkejjel il-progress, strutturi ta’ monitoraġġ u implimentazzjoni, il-valuri komuni tas-Servizz Pubbliku u l-prinċipji ta’ gwida.
“45 inizjattiva li se jwasslu għal servizz ta’ eċċellenza fejn il-klijent jibqa’ fiċ-ċentru ta’ ħidmietna mingħajr ebda eċċezzjoni. It-tiġdid bla preċedent li sar fis-Servizz Pubbliku fl-aħħar 8 snin se jservi bħala l-bażi soda biex issa nagħmlu l-qabża li jmiss. Din l-istorja ta’ suċċess, fejn qatt ma saru daqstant riformi fi żmien daqshekk qasir, irridu nirrepetuha,” qal is-Sur Cutajar.
Hu semma diversi kisbiet li għamel is-Servizz Pubbliku fl-aħħar snin, fosthom il-fiduċja fl-amministrazzjoni pubblika li għoliet, rikonoxximenti anke internazzjonali fosthom fl-e-government, u wieħed mill-aħjar persentaġġi ta’ nisa fi gradi ta’ tmexxija. Dan kollu wassal biex is-Servizz Pubbliku Malti jiġi meqjus bħala case-study għal gżejjer stati żgħar oħra ta’ kif isiru b’suċċess riformi fis-Servizz Pubbliku.
Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mill-Professur Frank Bezzina li ta analiżi dwar l-istrateġija, u minn Dominic Mintoff, Massimo Vella u Dr Joyce Cassar li taw preżentazzjoni fuq it-tliet pilastri tat-teknoloġija, is-servizz u n-nies rispettivament.
Dan il-proċess ta’ tiġdid issa ġie dokumentat ukoll permezz ta’ pubblikazzjoni ġdida li tikkumplimenta l-istrateġija mnedija llum. Dawn iż-żewġ pubblikazzjonijiet jinsabu aċċessibbli b’mod elettroniku mis-sit tas-servizz pubbliku.