“Aċċettabbli Dan Għalikom? Id-Diżorganizazzjoni Tfisser Telqa U Ħmieġ…” – Il-Viċi Sindku Tal-Belt Valletta
“Pjazza meravilja bħal din tiġi ostakolata minn dawn il-billboards…Sitwazzjoni inaċċettabbli.”
Hekk tenna l-Viċi Sindku tal-Belt Valletta Ray Azzopardi f’post li kiteb fuq il-mzzi soċjali tiegħu, flimkien ma’ għadd ta’ ritratti li juru tabelli ta’ reklamar f’nofs ta’ triq.
“Ma nistax nifhem kif xi ħaġa illegali u ħadd ma jieħu azzjoni dwarha. Vera li ma rridux noqtlu il-kummerċ imma lanqas huwa sew li noqgħodu għal kollox,” saħaq Azzopardi fil-messaġġ tiegħu, fejn kompla jgħid li filwaqt li jifhem is-sitwazzjoni tal-ħwienet bħalissa, mhux sew li jkun okkupat spazju pubbliku.
Ray Azzopardi sostna li d-diżorganizazzjoni tfisser telqa u ħmieġ.
“Fejn huma l-awtoritajiet? Aċċettabbli dan għalikom? Fejn hi is-serjetà?” staqsa l-Viċi Sindku tal-Belt Valletta.
“Imbagħad għal gieħna resident jingħata ċitazzjoni jekk ma jimxix ma’ regoli,” qal Azzopardi, filwaqt li temm il-messaġġ tiegħu b’appell lill-awtoritajiet konċernati sabiex jieħdu azzjoni.