Alfred Sant Jgħid Li Kwistjonijiet Marbuta Ma’ Taxxa FL-UE Għandhom Jibqgħu Qasam Ta’ Kompetenza Nazzjonali

 Alfred Sant Jgħid Li Kwistjonijiet Marbuta Ma’ Taxxa FL-UE Għandhom Jibqgħu Qasam Ta’ Kompetenza Nazzjonali

Fir-reazzjoni tiegħu għal dibattitu dwar id-Direttiva tar-Rappurtar Pajjiż b’Pajjiż (CbCR) fil-plenarja tal-Parlament Ewropew, l-eks Prim Ministru Alfred Sant enfasizza li kwistjonijiet marbuta ma’ taxxa għandhom jibqgħu suġġetti għall-kompetenza nazzjonali u mhux tal-UE. Huwa rrefera għal tliet kwistjonijiet ewlenin imqajma mill-adozzjoni tad-Direttiva CbCR. Dawn huma l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, il-kompetizzjoni ġusta tat-taxxa u l-parametri ta’ Governanza dwar il-kompetenzi tat-taxxa.

Il-Membri Parlamentari Ewropej taw l-approvazzjoni tagħhom għad-Direttiva dwar is-CbCR pubbliku, fir-rigward tal-iżvelar ta’ informazzjoni dwar it-taxxa tad-dħul minn ċerti impriżi u fergħat. Din il-leġiżlazzjoni se twitti t-triq għal aktar trasparenza u salvagwardji addizzjonali biex jipprevjenu abbużi minn kumpaniji li permezz tagħhom id-ditti li joperaw f’diversi pajjiżi se jkollhom jiżvelaw b’mod miftuħ it-taxxa li jħallsu fl-istati tal-UE separatament u se jkun hemm regolamenti komprensivi biex jevitaw l-abbuż minn ditti internazzjonali.

Sant stqarr li l-ħtieġa ġenwina li tiġi miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u li jkun possibbli l-iskrutinju pubbliku fuq kwistjonijiet ta’ taxxa jagħmel it-trasparenza f’dan il-qasam imperattiv, ċertament bejn l-awtoritajiet tat-taxxa.

Wara li qal dan, huwa kien kawt dwar sa liema punt l-informazzjoni għandha tkun tista’ tinkiseb b’mod miftuħ u aċċessibbli. “Jqumu mistoqsijiet leġittimi dwar jekk ir-rilaxx ta’ informazzjoni bħal din tkunx ta’ detriment għall-impriżi Ewropej billi ddgħajjef il-kompetittività tagħhom,” huwa wissa.

Il-MPE Laburista sostna li jrid jinżamm il-prinċipju ta’ kompetizzjoni ġusta fit-taxxa bejn l-istati u saħaq li d-Direttiva tas-CbCR m’għandhiex twassal għall-armonizzazzjoni tat-taxxa li tkun ta’ benefiċċju biss għal Stati Membri akbar li jkollhom aktar x’jonfqu.

Irrimarka wkoll li fuq kwistjonijiet fiskali, li jibqgħu l-kompetenza tal-Istati Membri, għandha tinżamm l-unanimità sħiħa dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet.

L-inizjattiva CbCR qed tiġi adottata fuq bażi ta’ maġġoranza kwalifikata u ma ntlaħaqx qbil unanimu f’dan ir-rigward. Dan “jagħmel il-leġittimità tagħha instabbli.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com