L-Iskejjel Primarji Tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca Jirċievu Donazzjoni Ta’ Kotba ‘Karamellu tar-Raħal T’Isfel’

 L-Iskejjel Primarji Tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca Jirċievu Donazzjoni Ta’ Kotba ‘Karamellu tar-Raħal T’Isfel’

Is-Sur Gejtu Debattista, f’isem il-kumpanija Mercury Towers ippreżenta donazzjoni ta’ kotba “Karamellu tar-Raħal t’Isfel” lis-Sinjorina Johanna Cauchi, Kap tal-Iskola Primarja San Ġorġ Preca SS, fil-Ħamrun kif ukoll  lis-Sur Randall Raymond Cilia, il-Kap tal-Iskola Primarja San Ġorġ Preca GP, ukoll fil-Ħamrun.

“Karamellu tar-Raħal t’Isfel – l-Ewwel Ktieb” huwa ġabra ta’ 10 stejjer, imżewqin b’viżwali ddisinjati apposta minn CN Creative Designs, dwar it-tfulija f’raħal Malti fi żmien meta l-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, it-televixin, il-kompjuter, l-internet u l-mowbajl kienu għadhom iridu jaslu.

Karamellu jirrappreżenta tifel li twieled u trabba f’familja ta’ ħaddiem, li kienet tgħix fil-bidu tar-Raħal t’Isfel taż-Żejtun.

B’mod ġenerali, ir-rakkonti joffru idea ta’ kif kienu jgħixu t-tfal u l-familji bosta snin ilu, flimkien mad-drawwiet tagħhom, f’ambjent kalm u seren fejn kulħadd kien ikun jaf lil kulħadd u fejn il-praspar fost it-tfal u l-kbar ma kinux neqsin.

Preżenti għall-okkażjoni, fil-15 ta’ Novembru, 2021, kien hemm l-awtur, is-Sur Charles Buttigieg, li tkellem dwar in-natura tal-istejjer ta’ Karamellu.  Huwa spjega li l-istejjer huma maħsubin l-iżjed għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda, biex b’mod ħelu u mexxej jgħinuhom isiru jafu aktar u aħjar dwar it-tfal, il-kultura u d-drawwiet tal-imgħoddi f’raħal Malti.

Is-Sinjorina Cauchi u s-Sur Cilia rringrazzjaw lis-Sur Debattista u lill-kumpanija Mercury Towers talli għażlu l-iskejjel ta’ San Ġorġ Preca għal din id-donazzjoni. Huma saħqu dwar l-importanza tal-qari, speċjalment bil-Malti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com