Atletika: Kamp Ta’ Taħriġ Ta’ Ġimgħa Fl-Italja Għal 13-il Atleta Malti

 Atletika: Kamp Ta’ Taħriġ Ta’ Ġimgħa Fl-Italja Għal 13-il Atleta Malti

Tlettax mill-aktar atleti promettenti ta’ pajjiżna bdew l-impenji internazzjonali ta’ taħriġ minn kmieni din is-sena, b’programm ta’ taħriġ professjonali u intensiv ta’ ġimgħa f’Formia, l-Italja. Il-kamp qed jitmexxa mill-konsulent ta’ Athletics Malta Antonio Laguardia u d-Direttur Tekniku Mario Bonello.

Matul dawn is-sebat ijiem ta’ taħriġ, l-atleti qed jaħdmu fi gruppi żgħar biex bhekk jingħataw attenzjoni individwali li hija kruċjali għall-iżvilupp tagħhom. L-atleti Maltin qed jaħdmu ma’ wħud mill-aqwa kowċis f’dan l-isport li jinkludu l-leġġendarju Vitaly Petrov, li fil-karriera tiegħu kkowċja atleti ċelebri bħal Sergei Bubka u Yelena Isinbayeva. Għall-pole-vaulter Nicolai Bonello din ċertament hija esperjenza li m’hu se jinsa qatt, hekk kif qed jingħata taħriġ personalizzat mill-istess Petrov.

Iċ-Ċentru ta’ Taħriġ Olimpiku f’Formia, li huwa ġestit mill-Federazzjoni Olimpika Taljana (CONI) għandu storja twila ta’ taħriġ li jwassal uħud mill-aqwa atleti f’kundizzjoni mill-aqwa għall-avvenimenti internazzjonali, u jipprovdi tagħmir tekniku, fiżjoterapisti, nutrizzjonisti u faċilitajiet ta’ rijabilitazzjoni tal-aqwa livell.

B’kollox matul dan l-istaġun Athletics Malta għandha program ta’ ħames kampijiet ta’ taħriġ biex l-atleti Maltin jitħejjew tajjeb għal staġun mimli impenji internazzjonali tal-għola livell, fosthom Kampjonati Dinjija u Ewropej kif ukoll Logħob tal-Commonwealth u tal-Mediterran.

Ritratt: CDE

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com