Chris Fearne Jappella Għall-Kawtela Biex Ma Jiżdidux Il-Każijiet Tal-Covid-19

 Chris Fearne Jappella Għall-Kawtela Biex Ma Jiżdidux Il-Każijiet Tal-Covid-19

Il-laboratorji fl-Isptar Mater Dei, fejn isiru wħud mill-aktar testijiet tad-demm importanti, għadhom kemm ġew mgħammra b’sitt magni ta’ intelliġenza artifiċjali ġodda b’investiment ta’ €4.5 miljun. Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt żjara li għamel fil-laboratorju tal-haematology fl-Isptar Mater Dei.

Permezz ta’ dawn il-magni jistgħu jiġu analizzati 600 kampjun tad-demm kull siegħa. Id-Deputat Prim Ministru faħħar ix-xogħol siewi li jsir fid-Dipartiment tal-Patoloġija fejn ta’ kuljum jiġu analizzati mal-50,000 test differenti.

“Meta pazjent ikun l-isptar jara madwaru t-tobba, l-infermiera u l-carers, imma l-isptar għandu ħafna servizzi li kollha flimkien jaħdmu f’sintonija biex il-pazjent jingħata l-aħjar kura possibbli. Wieħed minn dawn id-dipartimenti huwa dak tal-Patoloġija fejn isiru t-testijiet fuq demm u ċelloli li permezz tagħhom it-tobba jkunu jistgħu jagħmlu d-dijanjożi tagħhom”, qal id-Deputat Prim Ministru.

Huwa spjega li dawn il-magni ġodda għandhom il-kapaċità li jgħidulek jekk hemmx bżonn ta’ testijiet oħra fuq il-kampjun li jkunu qegħdin janalizzaw. Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Patoloġija, dawk tal-Biomedical, u tas-CPSU li ħadmu flimkien biex dan il-proġett jirnexxi.

Il-Booster Dose se tingħata lill-etajiet kollha b’mod gradwali

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, Chris Fearne irrefera għaż-żieda fil-każijiet tal-COVID-19 li qed jesperjenzaw diversi pajjiżi Ewropej u appella għall-kawtela f’pajjiżna sabiex ma jiżdidux il-każijiet f’Malta. Huwa stqarr li peress li s-sitwazzjoni f’Malta u fl-Isptar Mater Dei għadha stabbli, għall-kuntrarju ta’ pajjiżi lil hinn minn xtutna, mhumiex se jiżdiedu l-miżuri restrittivi u se jinżammu biss dawk il-miżuri eżistenti.

Id-Deputat Prim Ministru sostna li r-rata għolja ta’ vaċċinazzjoni, u issa anke tal-booster, f’pajjiżna hija raġuni ewlenija għall-istabilità fil-każijiet tal-COVID-19. Huwa stqarr li tliet kwarti tal-persuni li għandhom ‘il fuq minn 70 sena diġà tlaqqmu bil-booster u appella lill-persuni ta’ dan il-grupp li għadhom ma rċevewx ittra ta’ appuntament sabiex iċemplu 145.

Il-Ministru għas-Saħħa ħabbar li mit-8 ta’ Novembru 2021 se jibdew jirċievu t-tilqima tal-booster il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u l-ħaddiema fl-iskejjel. Dan filwaqt li mill-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru se jibdew jirċievu l-inviti persuni ta’ ‘l fuq minn 60 sena, sabiex mis-6 ta’ Diċembru 2021 jibda jitlaqqam dan il-grupp. Chris Fearne ħabbar ukoll li ġie deċiż li l-booster dose tingħata lill-etajiet kollha b’mod grawdali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com