“Din Hija Ġirja Kontra L-Ħin” – Il-Varjant Omicron Jitfaċċa F’Aktar Pajjiżi Ewropej

 “Din Hija Ġirja Kontra L-Ħin” – Il-Varjant Omicron Jitfaċċa F’Aktar Pajjiżi Ewropej

Il-Portugal huwa pajjiż ieħor fejn għadu kemm ħabbar li 13-il persuna li huma plejers tal-futbol ġew pożittivi bil-varjant Omicron. Fl-aħħar sigħat kien konfermat ukoll li wieħed mill-plejers kien fl-Afrika t’Isfel fl-aħħar jiem.

Diversi pajjiżi Ewropej issa ħabbru li l-varjant il-ġdid Omicron instab fuq persuni li ġew pożittivi għall-Covid-19. Dawn jinkludu l-Ingilterra, id-Danimarka, l-Olanda, il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, l-Italja u l-Belġju.

Il-Ministru għas-Saħħa Franċiż Olivier Veran f’kummenti li ta’ lill-midja qal li għalkemm s’issa għadu ma’ ġie konfermat l-ebda każ tal-varjant Omicron fi Franza, huwa qal li “probabbilment dan il-varjant ġa jinsab jiċċirkola fil-pajjiż.”

Il-President tal-Kummissjoni Ewropeja Ursula Von Der Leyen, ilbieraħ qalet li din hija “ġirja kontra l-ħin” sabiex jiġi mrażżan dan il-varjant li huwa ferm aktar aggressiv u jinfirex aktar maljar.

L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) qalet li dan il-varjant huwa ta’ “riskju għoli ħafna”.

Bosta pajjiżi fl-Ewropa u Kontinenti oħra qed jerġgħu jdaħħlu miżuri restrittivi sabiex il-varjant Omicron ma’ jkomplix jinfirex b’rata qawwija. Diversi titjiriet lejn l-Afrika t’Isfel u pajjiżi viċin qed ikunu imħassra wara diversi pajjiżi fosthom Malta waqfu kull titjira minn din iż-żona.

Ritratt: Sky News

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com