Dr Lydia Abela Tniedi T-Tieni Edizzjoni Ta’ ‘Kartolina Milied’

 Dr Lydia Abela Tniedi T-Tieni Edizzjoni Ta’ ‘Kartolina Milied’

Hija stedina nazzjonali lit-tfal kollha taħt is-16-il sena biex ikunu l-artisti li jiddisinjaw il-kartolina tal-Milied li se tkun qed tintbagħat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru għall-festi li ġejjin.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kulleġġ San Injazju, Skola Primarja tas-Siġġiewi, il-mara tal-Prim Ministru Dr Lydia Abela nediet it-tieni edizzjoni tal-inizjattiva ‘Kartolina Milied’ li s-sena l-oħra twettqet b’suċċess b’parteċipazzjoni pożittiva ħafna mit-tfal u miż-żgħażagħ li jgħixu fi djar residenzjali.

“Is-sena li għaddiet nedejna għall-ewwel darba din l-inizjattiva bi stedina lit-tfal u liż-żgħażagħ li jgħixu fi djar residenzjali biex joħorġu bi tpinġijiet oriġinali tagħhom u minnhom ingħażlu disinni li tqassmu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru lil tant persuni, dinjitarji u entitatijiet,” qalet Dr Abela.

Kartolina Milied 2021 se tieħu xejra differenti għax l-istedina se tkun miftuħa għal kull tifel u tifla f’Malta u f’Għawdex bejn l-età ta’ 4 u 16-il sena.

“Permezz tal-immaġinazzjoni tagħkom se tgħidulna xi jfisser il-Milied għalikom,” spjegat is-Sinjura Abela bit-tfal preżenti fil-bitħa tal-iskola. “Għalhekk jien u Robert qed nafdawkom biex, bit-talent u bil-ħiliet tagħkom, tkunu intom l-artisti tal-kartolini uffiċjali li se jintużaw għal dan il-Milied”.

It-tfal qed ikunu mistiedna wkoll biex, aparti t-tpinġija, jiktbu messaġġ sabiħ biex jiġi inkluż fin-naħa ta’ ġewwa tal-kartolina tal-Milied.

“Ftakru li l-ħolm li se tkunu qed tesprimu f’dik il-kartolina se jkun qed iwassal l-awguri uffiċjali tal-Gvern Malti mhux biss f’Malta iżda wkoll fl-Ewropa u fid-dinja. Ninsab tassew ħerqana biex nara l-frott tal-kreattività tagħkom,” temmet Dr Abela.

Wara d-diskors tal-mara tal-Prim Ministru, id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, tat spjegazzjoni iżjed fid-dettall tal-linji gwida li hemm marbuta mal-inizjattiva ‘Kartolina Milied 2021’.

Is-sottomissjonijiet fetħu llum, 18 ta’ Novembru 2021, u se jagħlqu fit-3 ta’ Diċembru 2021 u għandhom jintbagħtu bil-posta fuq l-indirizz “Kartolina Milied, Uffiċċju tal-Prim Ministru, Berġa ta’ Kastilja, Valletta”, jew fuq l-email [email protected].

Ix-xogħol artistiku tat-tfal kollha se jkun esebit f’wirja fi Spazju Kreattiv bejn is-16 ta’ Diċembru 2021 sad-9 ta’ Jannar 2022.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com