Jibda Jopera L-Ewwel Reverse Osmosis F’Għawdex B’Investiment Ta’ €11-il Miljun

 Jibda Jopera L-Ewwel Reverse Osmosis F’Għawdex B’Investiment Ta’ €11-il Miljun

Ġie inawgurat uffiċjalment l-ewwel impjant tar-Reverse Osmosis f’Għawdex b’investiment ta’ €11-il miljun, kofinanzjat minn fondi Ewropej. B’hekk, l-Għawdxin se jkunu qed igawdu minn produzzjoni indipendenti tal-ilma ta’ kwalità għolja li tasal​ fid-djar u fin-negozji tagħhom.

L-impjant ġie inawgurat mill-Prim Ministru Robert Abela, mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.

Sa mill-ewwel sigħat tal-operazzjoni tiegħu, l-impjant se jkun qed itejjeb l-aċċess, il-provvista u l-kwalità tal-ilma għar-residenti f’Għawdex.

Il-proġett f’Ħondoq ir-Rummien sar taħt it-tmexxija tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u għandu l-kapaċità li jipproduċi mad-9,000 metru kubu ta’ ilma ta’ kwalità għolja kuljum. L-impjant huwa attrezzat b’pompi moderni li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija tagħhom.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan il-gvern jara f’Għawdex potenzjal kbir, li jinbidel f’post minn fejn jibdew it-trasformazzjonijiet ambjentali u diġitali. Fisser dan il-proġett bħala turija ċara ta’ din il-viżjoni fejn Għawdex ma jibqax dipendenti fuq Malta għall-provvista tal-ilma. Qal li permezz ta’ dan l-impjant, li huwa wieħed mill-iktar effiċjenti fid-dinja, Għawdex se jkun saħansitra jagħti provvista ta’ ilma lil Malta.

Saħaq li, “Dan il-gvern jaspira li bħalma kiseb l-indipendenza għall-provvista tal-ilma, hekk ukoll se jkun qed jagħmel fil-provvista tal-enerġija, bl-użu komplet tal-enerġija rinnovabbli”.

Il-Ministru Miriam Dalli fissret dan il-proġett bħala wieħed storiku. “Huwa l-ewwel Reverse Osmosis f’Għawdex li se jagħti l-awtonomija lil din il-gżira fil-produzzjoni tal-ilma. Huwa wkoll proġett li qed isaħħaħ is-sostenibbiltà fl-użu tal-ilma filwaqt li jassigura provvista ta’ ilma ta’ kwalità tajba għar-residenti ta’ Għawdex. L-effiċjenza ta’ dan l-impjant hija riflessa wkoll fil-konsum tal-elettriku u l-ispiża tal-produzzjoni hija anqas meta mqabbla mal-impjanti eżistenti. Barra minn hekk, aktar ma ntejbu l-kwalità tal-ilma tal-vit, aktar se nkunu qed innaqqsu l-użu tal-fliexken tal-plastik,” spjegat il-Ministru Dalli.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li din hija biss parti minn proġett akbar li ġie kofinanzjat minn fondi Ewropej u li se jwassal għal titjib tas-servizzi provduti mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u fl-istess ħin, jitnaqqas l-impatt li din l-attività tħalli fuq l-ambjent u l-ilma. Dan ukoll se joffri lil Għawdex l-opportunità li jżomm ir-riżorsi tal-ilma ħelu fil-pjan.

Żied jgħid li proġett bħal dan isostni l-importanza li dan il-gvern qed jalloka lill-ambjent billi jiżgura li r-riżorsi naturali tal-pajjiż ikunu mħarsa biex jitgawdew ukoll mill-ġenerazzjonijiet futuri. Dawn il-proġetti ġodda kollha qed isegwu prattiċi ferm aktar effiċjenti biex jintlaħqu l-miri ambjentali ta’ Malta għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Ivan Falzon, fost il-ħaddiema, l-entitajiet u l-istakeholders involvuti fil-proġett.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com