Evarist Bartolo Jniedi L-istrateġija Tal-Politika Barranija Ta’ Malta

 Evarist Bartolo Jniedi L-istrateġija Tal-Politika Barranija Ta’ Malta

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej nieda l-Istrateġija tal-Politika Barranija ta’ Malta għall-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, fejn għall-ewwel darba, il-politika barranija ta’ Malta qed titfassal f’dokument strateġiku. Din l-istrateġija tiddeskrivi l-valuri u l-prinċipji gwida ta’ Malta li ġew żviluppati matul l-istorja u li jservu bħala pedament tal-politika barranija tagħna. Għaldaqstant, din l-istrateġija hija bbażata fuq l-interessi u l-prinċipji tagħna, bħalma huma l-kostituzzjoni, is-saltna tad-dritt, opportunitajiet ugwali, in-newtralità u s-sostenibbiltà.

Il-Ministru Bartolo qal li l-għan prinċipali ta’ din l-istrateġija hu politika barranija li sservi lin-nazzjon, l-interessi u liċ-ċittadini tagħna, inklużi dawk il-Maltin li jgħixu lil hinn minn xtutna, filwaqt li anke nippromwovu t-twemmin, il-kultura u l-identità tagħna. Bħala pajjiż ċkejken, huwa fl-interess tagħna li jkun hemm il-paċi u li t-tilwim jissolva bi ftehim biex niżguraw li jkun hawn il-paċi u sigurtà fil-Mediterran u lil hinn minnu.

Dan id-dokument huwa sostnut minn qafas strateġiku li jinkludi tliet miri strateġiċi dwar il-prosperità; il-promozzjoni tal-paċi, sigurtà u djalogu; u l-opportunitajiet għall-influwenza strateġika f’reġjuni u f’fora multilaterali. Permezz tat-22 oġġettiv li joħorġu minn dawn it-tliet miri, u li jridu jintlaħqu sal-aħħar tas-sena 2023, il-gvern huwa kommess li jikseb riżultati tanġibbli għall-pajjiż u għaċ-ċittadini tiegħu.

F’dinja globalizzata, karatterizzata minn bidliet kontinwi, kien neċċessarju li l-politika barranija tagħna tirrifletti u tadatta għal dawn ir-realtajiet ġodda, u tindirizza b’mod adekwat u effettiv l-isfidi tal-lum. L-Istrateġija tal-Politika Barranija ta’ Malta tkompli tibni fuq il-kisbiet li diġà saru u x-xogħol kurrenti. Daqstant ieħor importanti, l-istrateġija tirrikonoxxi li filwaqt li għandna nagħrfu r-restrizzjonijiet tagħna, id-daqs ta’ Malta lanqas m’għandu jservi bħala limitazzjoni, hekk kif matul iż-żmien mill-Indipendenza, Malta ħadet diversi inizjattivi globali.

Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata wkoll minn Christopher Cutajar, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Is-Sur Cutajar qal li l-politika barranija ta’ Malta hija bbażata fuq il-valuri mibnija fuq evoluzzjoni ta’ ħsieb mill-indipendenza lil hawn u li trid isservi lin-nazzjon u liċ-ċittadini tagħna. Il-globalizzazzjoni mhijiex għażla imma hija neċessità u li din ma teżistix ġo vakwu iżda hija parti minn ekosistema sħiħa.

L-istrateġija hija ffurmata mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u filwaqt li dan l-istess ministeru għandu r-responsabbiltà li jikkordina, jikkonsulta u jagħti gwida fuq l-oqsma identifikati f’din l-istrateġija, il-miri u l-għanijiet elenkati jistgħu jintlaħqu biss permezz ta’ koerenza u koordinazjoni bejn dawk kollha involuti fi ħdan il-gvern u anke msieħba oħra esterni, biex b’hekk niżguraw li jkollna messaġġ ċar u konsistenti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com