F’Dan L-Istaġun Tal-Milied, It-Teatru Manoel Se Jagħti L-Ħajja Lil Din L-Istorja Klassika Ta’ Dahl
Il-ġrajja eċċitanti u straordinarja The Twits tinsab fi triqtha lejn it-Teatru Manoel dal-Milied.
L-adattament nebbiexi ta’ Ian Moore tal-ktieb tat-tfal tant maħbub ta’ Roald Dahl se jiġi ppreżentat fit-Teatru Manoel għall-ewwel darba bejn is-26 u t-30 ta’ Diċembru, fi spettaklu mtella’ mit-Teatru Manoel, maħluq minn Masquerade Malta, u mmexxi minn Moore.
Din l-istorja storbjuża, ta’ frattarija u ħniena, li fi stħarriġ riċenti ssemmiet fost il-100 ktieb favoriti ta’ kull żmien, saħħret warajha lil ġenerazzjonijiet sħaħ. Il-ġrajja ta’ The Twits issegwi lill-koppja skifuża Mr u Mrs Twit, li jżommu lill-Muggle-Wumps – familja ta’ xadini – maqfulin f’gaġġa u jġegħluhom joqogħdu rashom ‘l isfel. Tgħid il-Muggle-Wumps u l-għasfur fantastiku Roly-Poly makakki biżżejjed biex jagħtu lezzjoni lill-imgħarrqa Twits dwar kif iġġib ruħek sew ma’ ħaddieħor?
Maħduma fi stil taċ-ċirku, din l-istorja favorita tat-tfulija għandha tifqa’ ’l-familja kollha bid-daħq fi produzzjoni meraviljożament sfrattata, mimlija daqs bajda bil-mużika live, żfin u reċtar. “Ir-rikkezza tal-karattri ta’ Dahl, il-plott imsawwar b’sengħa kbira, l-umoriżmu, u fuq kollox it-taħlita straordinarja tar-realtà mal-grottesk surreali, kollha għandhom xeħta ‘teatrali’ intensiva u jadattaw ruħhom sew għall-ambjent tat-Teatru Manoel,” qal Moore. “The Twits hija storja sovversiva iżda fl-istess waqt għandha aspett morali qawwi – is-Sur u s-Sinjura Twit huma bnedmin estremament kattivi – kattivi ma’ xulxin, u vili ma’ ħaddieħor. Madankollu mhumiex kompletament ħżiena, filwaqt li l-Muggle-Wumps u l-għasfur Roly-Poly lanqas mhuma totalment qaddisin. Il-ħajja qatt ma tkun daqshekk sempliċi. Nispera li l-udjenza iktar tiggosta milli tistkerrah l-antipatija ta’ The Twits u, fl-istess waqt, tieħu pjaċir tingħaqad mal-annimali huma u jippruvaw ikunu makakki iktar minnhom.”
L-istorja ta’ Dahl se tingħata l-ħajja minn kast stellari, fosthom Katherine Brown, Eliza Aquilina, Jayne Giordanella, Matthew Cilia, Bertha Farrugia u Emily Abela. Wara l-kwinti, il-koordinaturi tal-produzzjoni tal-Masquerade anthony bezzina u Veronica Bezzina wkoll se jkunu qed imexxu tim kreattiv ta’ esperjenza kbira, bis-sett iddisinjat minn Romualdo Moretti, id-disinn tal-kostumi xogħol Louie Noir, id-disinn tax-xagħar minn Michael and Guy, irtokk ikkreat minn Krista Paris, u t-titjir f’idejn Audrick Plum.
Mhux hekk biss, għal żmien limitat biss, bis-saħħa ta’ offerta għall-Black Friday, dal-Milied il-familji jistgħu jgawdu xalata t-Teatru Manoel għal ferm inqas! Il-biljetti kollha għal The Twits ibbukkjati bejn it-22 u t-28 ta’ Novembru se jiswew biss €20 u €10 – dan ifisser skont ta’ €5 għal kull biljett fuq il-prezz oriġinali ta’ €25 u €15 rispettivament.
“The Twits se tkun ħarġa maġika għall-familja kollha,” qal il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel Massimo Zammit. “Dan l-ispettaklu fantastiku u divertenti b’garanzija se jdaħħal kemm liż-żgħar kif ukoll lill-kbar fl-ispirtu tal-Milied fil-Manoel dan l-istaġun, u huwa l-okkażjoni ideali biex nixtiequ lill-artisti, lill-kreattivi u lill-udjenzi tagħna l-Milied it-Tajjeb fil-Manoel.”
The Twits se jittella’ fit-Teatru Manoel, il-Belt Valletta, fit-3pm, fis-6pm u fid-9pm fis-26 ta’ Diċembru, imbagħad fl-4pm u fis-7pm fis-27, 28, 29 u 30 ta’ Diċembru. L-ispettaklu huwa addattat għal tfal qalbiena ta’ sitt snin jew aktar u l-familji tagħhom, u se jittella’ b’osservanza tal-protokolli kurrenti kollha b’rabta mal-COVID-19. Għal aktar informazzjoni u biex tibbukkja l-biljetti, jekk jogħġbok żur www.teatrumanoel.com.mt, ċempel fuq +356 2124 6389, jew inkella ibgħat email fuq [email protected].