Fil-Jiem Li Ġejjien Se Jkun Qed Jidħol Fis-Seħħ L-Att Il-Ġdid Tal-Periti

 Fil-Jiem Li Ġejjien Se Jkun Qed Jidħol Fis-Seħħ L-Att Il-Ġdid Tal-Periti

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg kien preżenti għall-konferenza bl-isem ‘The Renewal Agenda: Modernisation of the Profession’ fejn ġie diskuss l-att il-ġdid tal-periti li ġie approvat mill-Parlament fl-24 ta’ Marzu ta’ din is-sena u se jkun qed jidħol fis-seħħ fil-jiem li ġejjin. L-għan ewlieni tiegħu hu li jimmodernizza din il-professjoni.

Il-Ministru Ian Borg semma li permezz ta’ dawn l-emendi li kien ilhom 14-il sena fuq l-ixkaffa, pajjiżna se jkun qed jibbenefika minn kwalità aktar għolja fil-professjoni tal-periti, hekk kif anke dawn l-emendi li kienu essenzjali li jsiru se jpoġġu lil pajjiżna f’konformità mad-direttivi Ewropej.

“Il-ministeru li jien responsabbli minnu qed f’taħdidiet avvanzati mal-Kamra tal-Periti sabiex jalloka fondi biex tinbena pjattaforma diġitali ġdida li biha proċeduri ġodda li ser ikunu qed jidħlu fis-seħħ fix-xhur li ġejjin, ikunu jistgħu jsiru b’mod effiċjenti u sigur. Il-gvern ser jibqa’ jappoġġa lill-Kamra u l-professjoni fil-proċess ta’ tiġdid li jeħtieġ sabiex il-kwalità tal-ambjent mibni f’pajjiżna titjieb u l-miri ambizzjużi li poġġa l-gvern rigward l-ambjent u t-tibdil fil-klima jintlaħqu anke permezz tal-kontribut tal-periti”, qal il-Ministru Borg.

Ir-regolamenti l-ġodda ser jaġġornaw il-mod kif jinħareġ warrant lill-periti billi fost l-oħrajn jintroduċi eżami bil-miktub barra dak orali, se jżid l-esperjenza minima tal-periti li jkunu qed joffru superviżjoni bl-iskop li jkun hemm trawwim aħjar tal-periti l-ġodda u se tkun qed tidħol distinzjoni bejn perit arkitett u perit inġinier ċivili li mhux biss tindirizza ksur ta’ direttivi, imma tiffaċilita r-rikonoxximent tal-kwalifiki Maltin f’pajjiżi Ewropej.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com