“Gvern Ġdid Nazzjonalista Huwa Kommess Li Jimplimenta Bidla Għall-Impjegati Fis-Settur Pubbliku” – Bernard Grech

 “Gvern Ġdid Nazzjonalista Huwa Kommess Li Jimplimenta Bidla Għall-Impjegati Fis-Settur Pubbliku” – Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li “gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li jimplimenta bidla għall-impjegati fis-settur pubbliku…għax għalina kulħadd għandu valur”.

Fl-intervista li saritlu s-Sibt filgħodu fuq Net FM, Bernard Grech qal li l-PN nhar il-Ġimgħa nieda 7 proposti maħsuba biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fis-settur pubbliku. Apparti dan huwa qal li jrid ikun hemm bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħin mal-familja, tiżdied il-capping preżenti ta’ emergency leave u jkun hemm promozzjoni għal iktar eżerċizzju fiżiku.

Mistoqsi jikkummenta dwar il-maltempata ta’ nhar il-Ħamis li għadda, Grech qabel xejn irringrazzja lil dawk kollha li taw l-għajnuna tagħhom. Huwa kompla jgħid li l-Ministru Ian Borg m’għandux rispett lejn l-intelliġenza tal-poplu Malti għax il-fenomenu tat-tibdil fil-klima ilu magħna s-snin. Saħaq li l-proġetti li għamel Ian Borg, ħafna minnhom fallew. Huwa qal li kawża tal-maltemp kien hemm ħsara fil-ħitan tas-sejjieħ u allura l-bdiewa għandu jkollhom għajnuna biex isewwu dawn il-ħsarat

Waqt l-intervista tkellem ukoll dwar l-aġir tal-Ispeaker Anglu Farrugia. Bernard Grech qal li quddiem dan kollu hemm bżonn urġenti li ssir riforma tal-Parlament fejn il-Gvern jinżamm kontabbli tal-aġir tiegħu.

Mistoqsi dwar in-negozju l-għadda ta’ Balck Friday, Bernard Grech qal li ma’ Gvern ġdid Nazzjonalista kull min hu fin-negozju, u sejjer tajjeb, se jmur aħjar. “Jekk qed jaqla’ lira, magħna, kif diġà semmejt taqilgħu tnejn. Dan il-ħsieb tagħna qed narawh li nwettquh ukoll b’mod ċar bil-politika tagħna,” qal Grech filwaqt li semma diversi miżuri bil-għan li jgħinu lin-negozji.

Bernard Grech qal li “l-PN se jibqa’ hemm, se jibqa’ viġilanti, se jibqa’ jagħmel kuraġġ lin-nies biex jitkellmu u se jara li ma jkunx hemm politiċi u persuni li jonqsu milli jagħmlu dmirhom.”

Fit-tmiem tal-intervista l-Kap tal-PN Bernard Grech feraħ lil Roberta Metsola għal pass storiku li għamlet nhar l-Erbgħa li għadda. Grech qal li “l-PN reġa’ kien fuq quddiem fil-mumenti storiċi ta’ pajjiżna, fejn il-Viċi President tal-Parlament Ewropew għamlet ġieħ lil pajjiżna.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com