Xogħlijiet Fuq Il-Librerija Tal-Iskola Primarja Fil-Kulleġġ Maria Reġina Jinsabu Fl-Aħħar Stadji

 Xogħlijiet Fuq Il-Librerija Tal-Iskola Primarja Fil-Kulleġġ Maria Reġina Jinsabu Fl-Aħħar Stadji

Ix-xogħlijiet fuq il-librerija tal-iskola primarja fil-Ku​lleġġ Maria Reġina tal-Mosta jinsabu fl-aħħar stadji. B’fondi mogħtija mill-Aġenzija Residenza Malta, l-iskola qed issaħħaħ l-ambjent tat-tagħlim tagħha bil-għan li ttejjeb il-kwalità tal-għodod tal-litteriżmu li għandha.

Il-proġett tar-ristrutturar tal-librerija qed isir b’investiment ta’ €25,000. Ix-xogħlijiet li bdew f’Ġunju jinkludu d-dekorazzjoni mill-ġdid tal-ħitan, installazzjoni ta’ madum, pannelli ġodda bid-dawl LED u xkaffi tal-injam għal titli ġodda ta’ kotba ta’ finzjoni kif ukoll dawk ta’ referenza kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.

“Il-librerija l-ġdida se titgawda minn popolazzjoni ta’ aktar minn 300 student tal-età ta’ bejn it-8 u l-10 snin”, qal Patrick Decelis, Kap tal-Kulleġġ Maria Reġina. “Il-librerija tas-self, immexxija minn membri tal-kunsill tal-iskola, se jkollha wkoll żona fejn l-imħabba għall-kotba titħeġġeġ permezz ta’ diversi inizjattivi ta’ qari u kitba kreattiva bħal skripts, poeżiji u kitba fi djarji. L-aġġornament tal-librerija se jippermettilna norganizzaw ukoll sessjonijiet ta’ rakkonti ta’ stejjer, wirjiet ta’ pupazzi, qari f’pari u buddy sessions. L-intenzjoni tagħna hija wkoll li nistiednu awturi biex jitkellmu dwar il-kotba tagħhom u jħeġġu lill-istudenti jaqraw u jiktbu. Id-donazzjoni ġeneruża tal-Aġenzija Residenza Malta, li għaliha aħna grati, se tgħinna nilħqu l-għanijiet tagħna,” kompla s-Sur Decelis.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li l-infiq fuq l-edukazzjoni huwa wieħed mill-aqwa investimenti li jista’ jagħmel il-gvern, u li jħalli riżultati f’diversi  oqsma ta’ żvilupp soċjali. “Hija ħaġa sabiħa li tara lit-tfal jintilfu fil-kotba u fid-dinja tal-istejjer, il-fantażija u l-immaġinazzjoni waqt li jitgħallmu l-lingwa u ħiliet relatati. Dan jawgura tajjeb għall-futur tagħhom stess u għal dak tas-soċjetà. Ninsabu kuntenti li l-programm ta’ residenza tagħna jikkontribwixxi direttament lejn inizjattivi ta’ impatt pożittiv”, qal is-segretarju parlamentari.

“Il-valuri tal-Aġenzija Residenza Malta jikkontribwixxu lejn l-għan aħħari li s-soċjetà Maltija tgawdi minnha,” qal Charles Mizzi, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Residenza Malta. “Billi ninvestu fondi mid-dħul iġġenerat permezz tal-programmi ta’ residenza tagħna, għal proġetti b’impatt tanġibbli, nemmnu li qed nagħtu kontribut lejn il-komunità tagħna”

Ritratti: DOI

Matthew Pullicino

Insegwi b'mod attiv dak kollu li jkun qed jiġri, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Naffaxina ruħi bl-istorja, arti u kultura li għandna f'pajjiżna u dak kollu li huwa Malti. Naħdem ħafna qrib għaqdiet volontarji fil-qasam kulturali u l-esperjenza tiegħi f'dan ix-xogħol nieħu pjaċir naqsamha ma' ħaddieħor.