“Il-Bdiewa Li Daħlu L-Biegħa Tagħhom Fil-Pitkalija Ilhom Ma Jitħallsu Minn Settembru” – Il-PN
“Il-bdiewa li daħlu l-biegħa tagħhom fil-Pitkalija ilhom ma jitħallsu minn Settembru li għadda. Dan ifisser li l-Gvern permezz tal-entità li tmexxi l-Pitkalija mhux qed iħallas il-bdiewa tal-biegħa li daħlu l-Pitkalija”
Dan ntqal mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi, Edwin Vassallo fejn saħaq li l-biegħa li l-bdiewa daħlu fil-Pitkalija minn Settembru sa issa għadhom qatt ma tħallsu tagħha.
Fi stqarrija Vassallo tenna li l-PN jistenna li l-gvern iħallas lill-bdiewa bla telf ta’ żmien u ma jibqax iġib skużi.
Huwa temm jgħid li “l-bdiewa jeħtieġ li jitħallsu speċjalment issa meta minħabba ż-żieda fil-prezzijiet ta’ kull ma qed jixtru qed tikkawża problemi ta’ nuqqas ta’ flus fl-idejn lill-istess bdiewa, għaliex il-bdiewa tagħna ma jistgħux jibqgħu joħorġu l-flus biex iħallsu għall-ispejjeż tagħhom bla ma daħlu d-dħul li huwa d-dritt tagħhom.”