“Il-Gvern Jeħtieġ Jgħin Lir-Raħħala Minħabba Ż-Żieda Fil-Prezz Tal-Ġwież” – Il-PN
“Ir-raħħala tagħna li qed irabbu l-baqar tal-ħalib u taċ-ċanga, dawk li jrabbu l-majjal u dawk li jrabbu t-tiġieġ qed ibatu b’żieda tal-prezz tal-ġwież. Il-prezz tal-ġwież spiċċa jiżdied kull ftit ġimgħat u ma din iż-żieda fil-prezz tal-ġwież u l-magħlef qed ikun hemm ukoll żieda fi spejjeż oħra kemm ta’ prodotti u kemm ta’ servizzi li jinxtraw mill-istess raħħala.”
Hekk saħaq il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Agrikoltura, Sajd u Negozji ż-Żgħar, Edwin Vassallo fejn tenna li l-PN qed jitlob lill-Gvern sabiex isib mod kif jgħin lil dawn ir-raħħala tagħna, Maltin u Għawdxin biex ikunu jistgħu jegħlbu din il-kriżi. “Il-PN jagħraf li dawn iż-żieda fil-prezzijiet tal-ġwież huma każ straordinarju f’ċirkustanzi fejn is-suq mhux jaħdem ukoll f’ċirkustanzi straordinarji,” sostna Vassallo.
Huwa kompla jgħid li l-Gvern għandu jsib mod kif jgħin lir-raħħala tagħha għaliex il-Gvern għandu jħossu impenjat li jsalva lir-raħħala tagħna u għalhekk isalva wkoll il-provista tal-ikel frisk Malti u Għawdxi. “L-ebda pajjiż fl-Ewropa ma għandu l-biża’ daqs pajjiżna li jekk ma jgħinx jista’ jitlef l-aħħar ftit raħħala li baqa’”
Id-Deputat Edwin Vassallo temm jgħid li l-PN qed jħeġġeġ lill-Gvern li bħal ma kien innovattiv biex isib il-flus biex jgħin inizjattivi li għalih kienu importanti li jgħin, hekk ukoll isib il-mod ġust li hu meħtieġ bla telf ta’ żmien li jgħin lir-raħħala tagħna sabiex dawn jibqgħu fil-mistier tagħhom u jibqgħu jipprovdu l-ikel frisk għall-poplu tagħna u dawk li jiġu jżuru lil pajjiżna.