Il-Konferenza Online Tal-NCPE Dwar Il-Paga Indaqs

 Il-Konferenza Online Tal-NCPE Dwar Il-Paga Indaqs

Bħala medja, madwar id-dinja kollha, in-nisa għadhom jitħallsu inqas mill-irġiel. Fl-2019, id-differenza medja fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea (UE) kienet ta’ 14.1%. (il-medja f’Malta kienet ta’11.6%).​1 Sabiex titqajjem kuxjenza dwar din id-diskrepanza, fl-2011, l-UE waqqfet il-Jum Ewropew għall-Pagi Indaqs li jiġi mfakkar f’Novembru ta’ kull sena. F’dan il-jum, id-differenza fil-pagi abbażi tal-ġeneru u l-konsegwenzi fit-tul tagħha, speċifikament fil-pensjoni għan-nisa u l-irġiel, jiġu diskussi fil-kuntesti tal-iżviluppi li saru, kif ukoll tat-triq ‘il quddiem. Waħda mir-raġunijiet ewlenin hija n-nuqqas ta’ trasparenza fil-pagi li tgħatti d-diskriminazzjoni fil-pagi u xxekkel is-sejba u r-rappurtar.

Fid-dawl ta’ dan, din is-sena, l-NCPE reġgħet għal darb’oħra organizzat Konferenza Online li tiffoka dwar il-proposta għal direttiva tal-UE dwar it-trasparenza fil-pagi, l-effettività tagħha fil-livell nazzjonali u kif din il-proposta tista’ ssaħħaħ il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali u xogħol ta’ valur ugwali bejn in-nisa u l-irġiel.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Onor. Dr Owen Bonnici stqarr li l-iżgurar li l-ħaddiema nisa jgawdu drittijiet ugwali u pagi ugwali għall-istess xogħol bħall-irġiel huwa wieħed mill-prinċipji tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. Il-Ministru qal li l-Gvern jinkoraġġixxi l-indipendenza ekonomika ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, u matul is-snin ittieħdu diversi miżuri biex aktar nisa jidħlu jew jibqgħu jaħdmu, fosthom l-iskema ta’ kura tat-tfal b’xejn, il-breakfast club, il-benefiċċji ta’ waqt l-impjieg (in-work benefit), Klabb 3-16, u t-Trust tal-Leave tal-Maternità.

Miżuri bħal dawn ikkontribwew għal żieda ta’ 11.5% fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol matul dawn l-aħħar erba’ snin. L-Onor. Dr Bonnici qal li l-indipendenza ekonomika ugwali u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel saru saħansitra aktar rilevanti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, li globalment aggravat l-inugwaljanzi bejn is-sessi f’diversi sferi. Fid-dawl ta’ dan, l-impenn tal-Gvern huwa li mhux biss jiżgura li aktar nisa jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol, iżda li l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-impjegati kollha jkunu ġusti u ugwali.

Il-Kummissarju tal-NCPE, is-Sa Renee Laiviera sostniet li d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel hija riżultat ta’ diversi inugwaljanzi fis-suq tax-xogħol, fosthom is-segregazzjoni tal-ġeneri fl-impjiegi u fl-edukazzjoni, in-nuqqas ta’ nisa f’pożizzjonijiet maniġerjali, in-nuqqas ta’ bilanċ adegwat bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u d-diskriminazzjoni fil-pagi.

Is-Sa Laiviera fissret li l-Kapitolu 456 tal-Liġijiet ta’ Malta jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fl-impjieg inkluż fit-termini u l-kundizzjonijiet bħall-paga. Matul is-snin li għaddew, l-NCPE wettqet diversi inizjattivi biex tindirizza d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel u l-pagi mhux ugwali. Fl-2020, l-NCPE saħħet u reġgħet nediet il-Marka tal-Ugwaljanza tal-NCPE billi żviluppat Equal Pay Tool bil-għan li ssaħħaħ il-miżura ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali għan-nisa u l-irġiel, permezz tal-Prepare the Ground for Economic Independence (PGEI, proġett ko-finanzjat mill-UE. Is-Sa Laiviera spjegat li l-NCPE bħalissa qiegħda taħdem biex tirfina din l-għodda sabiex ir-riżultati jiġu interpretati faċilment.

Id-direttiva proposta mill-UE dwar it-trasparenza fil-pagi biex jiġi żgurat li n-nisa u l-irġiel jirċievu paga ugwali għal xogħol ugwali ġiet indirizzata mill-Prof JosAnn Cutajar mid-Dipartiment tal-Ġeneru u s-Sesswalitajiet fi ħdan il-Fakultà għall-Benesseri Soċjali u s-Sesswalitajiet u l-Ġeneru fl-Università ta’ Malta. Prof Cutajar enfasizzat l-importanza ta’ din il-proposta, filwaqt li spjegat l-artikoli l-aktar pertinenti.

Fid-dawl tax-xogħol li qiegħed isir bħalissa fl-iżvilupp tal-Equal Pay Tool tal-NCPE, is-Sur Matthew Sacco, Software Developer, ta ħarsa ġenerali lejn l-għodda ta’ ħlas indaqs. Is-Sur Sacco spjega l-isfidi li ltaqgħu magħhom waqt li din l-għodda bdiet tiġi żviluppata u kif dawn jistgħu jingħelbu.

Panel ta’ diskussjoni magħmul minn awtoritajiet tal-Gvern, unjins u assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem indirizza l-effetti tal-proposta għal direttiva dwar it-trasparenza tal-pagi fix-xenarju nazzjonali, u l-irwol tal-partijiet ikkonċernati f’dan ir-rigward.

F’għeluq il-Konferenza, is-Sa Laiviera spjegat li l-Konferenza kienet opportunità sabiex niddiskutu t-trasparenza tal-pagi bħala element kruċjali lejn l-ugwaljanza. Is-Sa Laiviera qalet li l-NCPE se tevalwa l-kwistjonijiet li tqajmu matul din il-Konferenza sabiex niżguraw l-ugwaljanza fil-pagi għan-nisa u l-irġiel kollha.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com