Il-President Jesprimi Apprezzament Għall-Kuxjenza Lejn L-Ambjent Fl-Operat Tal-Kumpanija Maypole
Waqt żjara lill-kumpanija Maypole, il-President George Vella esprima sodisfazzjon għall-importanza li qed tingħata lill-ħarsien tal-ambjent.
Kuxjenza li fi kliem il-President tidher b’mod ċar kemm fl-operat kif ukoll fil-prodotti finali li jinxtraw mill-konsumaturi.
Il-President innota li hemm tliet ingredjenti prinċipali li jagħmlu lil dan in-negozju Malti wieħed ta’ suċċess. Dawn huma l-importanza li n-negozju jżomm ruħu aġġornat mal-iżviluppi fit-teknoloġija u fit-talbiet tal-poplu, li jirrispetta lill-impjegati Maltin u barranin tiegħu kif ukoll li jżomm livell għoli fl-operat.
Il-President Vella nnota wkoll li l-istess kumpanija qed tgħin permezz ta’ proġetti marbuta mar-responsabbiltà soċjali u rringrazzjahom tad-donazzjoni mogħtija b’risq The Malta Community Chest Fund Foundation.
Huwa sellem lill-400 impjegat tal-kumpanija u ħeġġiġhom ikomplu jinvestu fil-kapaċitajiet u fit-taħriġ kontinwu.