“Il-Vaċċini Għadhom Mhumiex Biżżejjed Biex Iwaqqfu L-Introduzzjoni Ta’ Prekawzjonijiet Addizzjonali” – L-MPE Alfred Sant
Fir-reazzjoni tiegħu għad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea waqt sessjoni tal-plenarja tal-Parlament Ewropew dwar is-suġġett tal-Koordinazzjoni tal-miżuri tal-Istati Membri fid-dawl tal-każijiet li qed jiżdiedu ta’ COVID-19 fl-UE, l-Eks Prim Ministru Sant enfasizza li filwaqt li wieħed jifhem bis-sħiħ li qed tinfirex ‘għeja pandemika’, “Xorta waħda, għadu mhux iż-żmien li l-COVID-19 tiġi tratta bħal kwalunkwe influwenza oħra.” L-MPE Laburista enfasizza li lockdowns ġodda jistgħu jiġu evitati biss jekk jiġu osservati għadd ta’ miżuri, prinċipalment tilqim aktar mgħaġġel, użu obbligatorju ta’ maskri fuq ġewwa u l-aktar applikazzjoni wiesgħa possibbli ta’ xogħol mid-dar.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Grupp Soċjalista u Demokratiku (S&D) fil-Parlament Ewropew Alfred Sant stqarr li sa mill-bidu tiegħu 22 xahar ilu l-COVID-19 illum għal darb’oħra huwa l-kawża ewlenija tal-mwiet fl-UE. Filwaqt li rrikonoxxa li r-restrizzjonijiet qed jerġgħu jitfaċċaw fil-pajjiżi Ewropej minħabba żieda qawwija fil-każijiet huwa ddikjara li “illum, is-sejħa għal aktar miżuri ta’ prekawzjoni hija kompletament ġustifikata.”
Alfred Sant irrimarka li l-vaċċini għadhom mhumiex biżżejjed biex iwaqqfu l-introduzzjoni ta’ prekawzjonijiet addizzjonali. F’pajjiżi fejn ir-rata ta’ tilqim hija għolja ħafna inkluż fil-Gżejjer Maltin, hemm probabilità kbira li xorta jkun hemm bżonn li jidħlu fis-seħħ aktar tisħiħ tar-regoli sanitarji fil-ġimgħat li ġejjin, żied jgħid. Għal din ir-raġuni huwa ssuġġerixxa li biex jiġu evitati lockdowns ġodda għandu jkun hemm tilqim aktar mgħaġġel, użu obbligatorju ta’ maskri fuq ġewwa u l-applikazzjoni wiesgħa possibbli ta’ xogħol mid-dar.
Waqt dibattitu dwar il-COVID-19 fl-UE, l-Membri Parlamentari Ewropej iddiskutew l-aħħar żviluppi, il-kors addizzjonali ta’ azzjonijiet li jeħtieġ li jittieħdu biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19 u dwar miżuri ta’ koordinazzjoni aktar effettivi. Barra minn hekk, l-ispinta ġenerali tad-dibattitu ffokat fuq kif tinbena aktar solidarjetà fost l-Istati Membri Ewropej biex tiġi miġġielda din il-pandemija.
Alfred Sant saħaq li l-koordinazzjoni tal-miżuri nazzjonali fil-livell tal-UE hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-moviment ħieles fl-UE jibqa’ għaddej bla xkiel u dan jista’ jintlaħaq billi tiġi aġġustata l-validità taċ-ċertifikat diġitali tal-UE biex tiġi ppreservata l-effiċjenza tiegħu. Huwa esprima qbil mal-Kummissjoni Ewropea għall-armonizzazzjoni tal-validità taċ-ċertifikat tat-tilqim tal-COVID-19 biex jinkludi ‘booster shots’. Insista li miżuri bħal dawn u azzjonijiet oħra simili wrew li kienu bżonnjużi fix-xhur li għaddew iżda sostna li t-tisħiħ tagħhom se jkun ta’ importanza kbira fil-futur qarib. Sant irrikonoxxa li filwaqt li wieħed jifhem li ħafna nies xebgħu bil-pandemija għadu mhux il-ħin li nittrattaw il-COVID-19 bħal kwalunkwe influwenza oħra.