Il-Varjant Il-Ġdid Tal-Covid-19 Jidħol Fl-Ewropa

 Il-Varjant Il-Ġdid Tal-Covid-19 Jidħol Fl-Ewropa

Għadu kemm ġie rrapportat li nstab l-ewwel persuna bil-varjant il-ġdid tal-Covid-19 fl-Ewropa.

Dan kien konfermat mill-awtoritajiet Belġjani fejn qalu li f’dan il-pajjiż hemm l-ewwel każ tal-varjant B.1.1.529 tal-Covid-19.

Il-Virologu Mark Van Ranst qal li dan il-varjant instab fuq mara li ħasset is-sintomi 11-il jum wara li vvjaġġat bejn l-Eġittu u t-Turkija.

Skont l-awtoritajiet Belġjana l-mara għadha ma ħaditx il-vaċċin u mhux magħruf li ħadet il-virus qabel.

Il-biża minn dan il-varjant il-ġdid hija li jinbidel malajr u għalhekk jista’ jkun li l-vaċċin eżistenti ma jkunx effiċjenti biżżejjed għalih.

Pfizer qalet li qed taħdem sabiex toħloq vaċċin ġdid li jkun kapaċi jiġġieled lil dan il-varjant. Hija qalet li se toħloq vaċċin għalih fi żmien tliet xhur.

S’issa bosta pajjiżi Ewropej ħabbru li bdew jagħlqu l-fruntieri tagħhom minn ċertu pajjiżi. F’Malta aktar kmieni llum il-Ministru Fearne ħabbar li min-nofsillejl tas-Sibt se jieqaf l-ivvjaġġar lejn l-Afrika t’Isfel, in-Namibia, il-Lesotho, il-Botswana, l-Eswatini u ż-Żimbabwe.

Ritratt: Skynews

Matthew Pullicino

Insegwi b'mod attiv dak kollu li jkun qed jiġri, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Naffaxina ruħi bl-istorja, arti u kultura li għandna f'pajjiżna u dak kollu li huwa Malti. Naħdem ħafna qrib għaqdiet volontarji fil-qasam kulturali u l-esperjenza tiegħi f'dan ix-xogħol nieħu pjaċir naqsamha ma' ħaddieħor.