Qed Jiġu Rranġati L-Faċilitajiet Sportivi Fl-Iskola Medja Ta’ Bormla

 Qed Jiġu Rranġati L-Faċilitajiet Sportivi Fl-Iskola Medja Ta’ Bormla

Parti mill-investiment ta’ miljun euro li qed isir f’għoxrin skola biex jittejbu l-faċilitajiet sportivi li tħabbar dan l-aħħar, qed isir ukoll xogħol fil-Middle School li tifforma parti mill-Kulleġġ Santa Margerita f’Bormla. F’din l-iskola l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed tibdel it-turf artifiċjali, imma wkoll bniet mill-ġdid l-art tal-ground. Il-bini mill-ġdid tal-art tal-ground hija investiment ta’ €250,000.

Dawn il-proġetti qed isiru fl-isfond tal-politika nazzjonali biex tkun indirizzata l-obeżità fost it-tfal, kif ukoll biex titrawwem kultura sportiva fit-tfal. L-għan tal-proġett huwa li tittejjeb l-infrastruttura sportiva fl-iskejjel tal-istat, kemm għal skopijiet ta’ rikreazzjoni, kif ukoll biex jittejjeb il-livell tal-edukazzjoni sportiva.

Dettalji dwar l-investiment f’Bormla ngħata mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt li llum żaret l-iskola.

Il-Ministru Caruana qalet li dan l-investiment jikkumplimenta l-investiment diġà mħabbar ta’ €150 miljun fl-iskejjel, u huwa proġett li jimmira għal ħajja iktar kwalitattiva fl-iskejjel. “Dawn huma proġetti li jiffukaw fuq l-ispazji miftuħa u l-faċilitajiet sportivi li rridu fl-iskejjel tagħna,” qalet il-Ministru Caruana.

Il-proġett kollu jinvolvi t-tibdil tal-uċuħ tal-faċilitajiet sportivi fuq barra f’madwar 20 skola. F’dawn l-iskejjel, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed tiksi l-faċilitajiet sportivi b’turf artifiċjali. Fl-aħħar snin, il-fondazzjoni investiet f’turf artifiċjali f’diversi skejjel oħrajn.

“Irridu nkomplu nippromwovu l-politika tagħna kontra l-obeżità. Għalhekk, qed naraw li l-ispazji miftuħa jkunu adegwati biex l-istudenti jkollhom ħajja aħjar u aktar sana permezz tal-edukazzjoni fiżika,” qalet il-Ministru Caruana.

Preżenti għat-tħabbira tal-proġett kien hemm ukoll iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-FTS Cory Greenland u Dr Neville Young, il-Prinċipal tal-Kulleġġ Daniela Zammit, u l-Kap tal-Iskola Charmaine Elshout.

Qabel tat dettalji tal-proġett, żewġ studenti tal-iskola akkumpanjaw lill-Ministru Caruana waqt li żaret l-istudenti u l-edukaturi fil-klassijiet tagħhom.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com