Inawgurat Il-Portal ‘Memorja’ Tal-Arkivji Nazzjonali

 Inawgurat Il-Portal ‘Memorja’ Tal-Arkivji Nazzjonali

“Il-proġett Memorja huwa vetrina tagħna l-Maltin u ta’ pajjiżna. Filwaqt li nifraħ lill-Arkivji Nazzjonali għax-xogħol li wettqu, nawgura li dan il-proġett ikompli jikber u jissaħħaħ.” Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera stqarr dan waqt l-inawgurazzjoni tal-portal elettroniku www.memorja.com.

Dan il-portal huwa pass importanti fl-iżvilupp tal-arkivju orali u awdjo-viżiv tal-Arkivji Nazzjonali, li issa ġie żviluppat fuq bażi professjonali li tagħmel unur mhux biss lill-Arkivji Nazzjonali, iżda lis-settur tal-istorja ta’ pajjiżna. Dan il-proġett qed jiġbor, jippreserva u jagħmel aċċessibbli għarfien sħiħ ta’ Malta u l-Maltin. F’dan l-arkivju nsibu intervisti ma’ nies komuni u dokumenti li jirriflettu l-ħajja, is-sengħa u x-xogħol tagħhom, kif ukoll il-kontribut tagħhom.

“Permezz ta’ dan il-pass, l-Arkivji Nazzjonali qed jistabbilixxu ruħhom bħal l-entità ċentrali fiż-żamma tal-dokumentazzjoni awdjo-viżiva kif ukoll l-istorja orali ta’ dan il-poplu,” stqarr Dr Charles Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-Arkivji Nazzjonali.

Il-proġett huwa mibni fuq il-koperazzjoni u fuq il-kontribut ta’ persuni u entitajiet barra l-Arkivji Nazzjonali. Huwa riżultat ta’ ħafna xogħol professjonali minn wara l-kwinti. Fil-fatt, kienu żviluppati proċeduri u protokolli kif jinġabar il-materjal u, meta jinġabar dan, jiġi kkatalogat u ppreservat b’mod li jkun aċċessibbli.

“Din il-viżjoni tagħna se nkomplu nsaħħuha fil-proġett ta’ bini ta’ Arkivji Nazzjonali ġodda f’Ta’ Qali, fejn il-gvern huwa impenjat li jiżgura li dawn l-Arkivji Nazzjonali ġodda ma jkunux adatti biss għall-arkivji tradizzjonali li issa nista ngħid għandna ċertu speċjalizzazzjoni biex inħarsuhom u nipproteġuhom, imma anke għall-arkivji awdjo-viżivi, orali u diġitali,” temm jgħid il-Ministru Herrera.​

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com