Jibdew Il-Preparamenti Għall-Festival Kanzunetta Maltija

 Jibdew Il-Preparamenti Għall-Festival Kanzunetta Maltija

Minkejja li din hija biss it-tieni edizzjoni, il-festival Mużika Mużika rnexxielu jsib postu fil-quċċata u diġà qiegħed jiġi meqjus bħala appuntament annwali fil-kalendarju kulturali minn bosta dilettanti tal-mużika. It-tieni edizzjoni ser issir bejn l-24 u s-26 ta’ Marzu 2022, Festivals Malta wiegħed produzzjoni spettakolari oħra.

Is-suċċess li kiseb il-festival bl-ewwel edizzjoni tiegħu jidher ċar fl-entużjażmu tal-kantanti, l-awturi u l-kompożituri. Festivals Malta rċieva total ta’ 170 sottomissjoni għall-edizzjoni li jmiss. Ray Buġeja, Chairman ta’ Mużika Mużika stqarr li kienet biċċa xogħol iebsa ħafna biex il-ġurija tagħmel l-għażla tagħha f’kull fażi eliminatorja minħabba l-livell għoli tal-produzzjonijiet mużikali sottomessi. 35 kanzunetta minn dawk sottomessi ħadu sehem fil-live auditions, u 20 minnhom intgħażlu għas-semifinali. Apparti mill-preparamenti loġistiċi, it-tim ta’ Mużika Mużika diġà beda jaħdem fuq il-kampanja promozzjonali li ser tilħaq il-qofol tagħha f’Marzu 2022.

Mużika Mużika sar sinonimu mad-diversita` fil-ġeneri mużikali, u din l-edizzjoni ser toffri varjetà b’kanzunetti pop, rock, rap, folk, reggeaton u aktar! Il-kanzunetti jippreżentaw ukoll diversi temi fosthom l-imħabba u t-tama. Dawn il-kanzunetti ser jiġu ppreżentati live għall-ewwel darba fuq il-palk f’Marzu 2022, akkumpanjati mill-Malta Philharmonic Orchestra.

Bħalissa, Festivals Malta qiegħed jipproduċi wkoll il-programm televiżiv ‘Mużika Mużika – Il-Vjaġġ Ikompli fuq TVM. Dan il-programm jiddokumenta l-vjaġġ ta’ seba’ artisti ġodda huma u jirċievu taħriġ professjonali minn diversi professjonisti fl-industrija. Ir-rebbieħ ta’ dan il-programm ser jingħaqad mas-semi finalisti ta’ Mużika Mużika. Permezz ta’ din l-inizzjattiva, Festivals Malta qed jaħdem biex irawwem talent ġdid fl-industrija tad-divertiment u b’hekk ikun qed jinvesti fl-artisti ta’ għada.

Għal aktar informazzjoni, kif ukoll il-lista ta’ kanzunetti semi finalisti żur www.muzikamuzika.mt

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com