“Se Noffru L-Għodda Kollha Neċessarja Sabiex In-Negozji Jkunu Jistgħu Jkomplu Jimirħu” – Bernard Grech

 “Se Noffru L-Għodda Kollha Neċessarja Sabiex In-Negozji Jkunu Jistgħu Jkomplu Jimirħu” – Bernard Grech

“Gvern ġdid Nazzjonalista sejjer joffri l-għodda kollha neċessarja sabiex in-negozji jkunu jistgħu jkomplu jimirħu u jikbru, għax huma s-sinsla tal-ekonomija ta’ pajjiżna”. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dalgħodu waqt żjara lill-kumpanija Burmarrad Commercials.

“In-negozji tal-familja qegħdin hemm għax għandhom l-imħabba u l-passjoni li jaħdmu u allura l-familja kollha tkun qiegħda taħdem f’dan l-operat, b’hekk jikbru u jkomplu jinvestu.” Hekk sostna Bernard Grech filwaqt li qal li huwa importanti li pajjiżna jinvesti iktar f’dawk il-persuni li jridu jkomplu jispeċjalizzaw fix-xogħol tas-snajja’, għaliex dawn huma s-sinsla ta’ negozji bħal dawn.

“Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jaħdem fuq sistema ta’ apprentistat biex iktar studenti jiġu mgħejuna jaħdmu xogħol ta’ snajja’, jistudjaw ukoll f’dik id-direzzjoni u jsibu wkoll impjieg ma’ dawn il-kumpaniji biex dan is-settur ikun jista’ jkompli jikber. Dan għaliex ekonomija b’saħħitha tagħhom, tfisser ekonomija b’saħħitha għall-pajjiż,” saħaq Bernard Grech f’kumment li għamel lill-ġurnalisti wara ż-żjara.

Fiż-żjara tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, li ntlaqa’ mis-sid ta’ din il-kumpanija Mario Gauci u mill-Kap Eżekuttiv Sharon Camilleri kellu l-okkażjoni li jdur l-uffiċini u l-workshops ta’ din il-kumpanija u jsegwi x-xogħol li jagħmlu filwaqt li ltaqa’ wkoll ma’ diversi ħaddiema, fosthom numru ta’ mechanics fejn tkellmu miegħu dwar il-ħidma tagħhom.

Burmarrad Commercials hi negozju tal-familja li  tħaddem madwar 80 persuna u tispeċjalizza fis-settur tat-trasport b’mod partikolari f’maintenance u kiri ta’ vetturi.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport Toni Bezzina u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Jerome Caruana Cilia.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com