“Jistgħu Jsiru L-Investigazzjonijiet Kollha Li Wieħed Irid Għaliex M’Għandix X’Naħbi” – Joseph Muscat

 “Jistgħu Jsiru L-Investigazzjonijiet Kollha Li Wieħed Irid Għaliex M’Għandix X’Naħbi” – Joseph Muscat

“Jistgħu jsiru l-investigazzjonijiet kollha li wieħed irid għaliex m’għandix x’naħbi,” hekk qal ftit tal-ħin ilu l-eks Prim Ministru Joseph Muscat wara li l-għaqda Repubblika daħlet rapport lid-Dipartiment tar-Reati Finanzjarji tal-Pulizija sabiex jkun investigat.

F’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu Muscat qal li min qed jagħmel l-akkuża qed jimplika li għax għamel xogħol barra minn Malta ma’ kumpanija li jista’ kellha konnessjoni ma’ interessi f’Malta, dan jammonta għal korruzzjoni. “Dan meta x-xogħol li għamilt ma kellu x’jaqsam xejn mal-Gvern Malti” saħaq Muscat.

“Bl-istess kejl, ma nifhimx kif ma sarux protesti kontra nies oħra. Per eżempju Dr Austin Gatt, li wara li spiċċa minn Ministru ingħata karigi fi grupp ta’ kumpaniji li għandhom relazzjoni diretta ma’ mill-inqas żewġ entitajiet li kienu taħt ir-responsabiltà diretta tiegħu għal snin sħaħ. Jew Tonio Fenech, li kien responsabbli għas-servizzi finanzjarji għal snin sħaħ imbagħad kellu karigi ma’ kumpaniji fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Jew Claudio Grech, li kien parti mill-Ministeru li nnegozja Smart City f’isem il-Gvern Malti, imbagħad mar imexxi Smart City. Hemm ħafna oħrajn li nista’ nsemmi, speċjalment fil-professjoni legali,” sostna Joseph Muscat f’reazzjoni għal azzjoni li għamlet l-għaqda Repubblika fil-konfront tiegħu.

Huwa tenna li kejl qed jintuża għal naħa u kejl għal oħra. “L-awtoritajiet jagħmlu sewwa li jagħmlu xogħolhom. Jagħmlu sewwa wkoll li jaraw li jirrispettaw ir-regoli u mhux insiru nafu x’ikun qed jiġri minn xi bnadi partikolari, għaliex hekk tiġi mminata l-fiduċja fis-sistema,” temm jgħid Joseph Muscat fil-messaġġ tiegħu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com