L-Għaqda Repubblika B’Rapport Lill-Pulizija Sabiex Joseph Muscat Ikun Investigat

 L-Għaqda Repubblika B’Rapport Lill-Pulizija Sabiex Joseph Muscat Ikun Investigat

Dalgħodu l-President tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina għamel rapport lid-Dipartiment tar-Reati Finanzjarji tal-Pulizija fil-Ħamrun sabiex l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ikun investigat wara rapporti li rċieva flus ta’ servizz ta’ konsulenza minn kumpanija Żvizzera li għandha rabta ma’ Steward Healthcare.

Qabel daħħal dan ir-rapport, Robert Aquilina indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn saħaq li l-għaqda Repubblika mhux ħa tkun qed taċċetta aktar “tkaxkir tas-saqajn” mill-Pulizija biex jinvestigaw korruzzjoni tal-Gvern.

Aquilina qal ukoll li għandu informazzjoni li lejn l-aħħar tas-sena 2018, Yorgen Fenech li qed ikun akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien tilef il-mowbajl tiegħu waqt li kien fl-Amerika.

Il-President tar-Repubblika qal li meta xtara mowbajl ieħor kien bagħat messaġġ mal-ewwel lil Joseph Muscat fejn assigurah li ma kellux għalfejn jinkwieta għaliex ic-chats ta’ bejniethom kien ħassarhom qabel tilef il-mowbajl.

L-istess tip ta’ messaġġ kien bagħtu wkoll lil Konrad Mizzi, li fi kliem Aquilina kien ippanikja mhux ħażin meta kien sar jaf li Fenech tilef il-mowbajl.

Robert Aquilina kompla jgħid li apparti Joseph Muscat sostna li hemm persuni oħra li għandhom jiġu nvestigati. Il-President tar-Repubblika kompla jgħid li ftit ħin qabel Yorgen Fenech kien arrestat kien ikkorrisponda ma’ diversi uffiċjali pubbliċi, fosthom Fredrick Aquilina li dak iż-żmien kien imexxi l-Enemalta, lil James Piscopo li dak iż-żmien kien imexxi Transport Malta, lil Johann Buttigieg li dak iż-żmien kien imexxi l-Awtorità tal-Ippjanar, lil Joe Cuschieri eks regolatur finanzjarju kif ukoll lil Heathcliff Farrugia li kien imexxi l-Awtorità Maltija għal-Logħob.

Robert Aquilina qal li din il-kultura ta’ impunita li Joseph Muscat għadu jgawdi trid tieqaf. “Nerġa nirrepeti dak li għidt ftit żmien ilu fil-Belt Valletta, Joseph Muscat postu huwa l-ħabs” temm jgħid Robert Aquilina.

Ritratt: Facebook / Repubblika

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com