“L-Amnestija Minn Ħlas Ta’ Taxxa Li L-Gvern Daħħal Baxx Baxx Hija Diskriminatorja” – Il-PN
“Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-amnestija li l-Gvern daħħal baxx baxx bl-Avviż Legali numru 419 hija diskriminatorja u tati daqqa ta’ ħarta lil kull min ħallas sal-inqas ċenteżmu ta’ taxxa, filwaqt li tippremja lil min abbuża u waqa’ lura mid-dmirijiet tiegħu quddiem il-liġi.”
Dan ntqal mill-Kelliem tal-PN għall-Finanzi Mario de Marco, il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina u il-Kelliem għax-Xogħol, Taħriġ, Kompettività u Intrapriża Jason Azzopardi fejn saħqu li din l-amnestija tippremja l-abbuż mingħajr ma tiddistingwi bejn, każijiet ġenwini ta’ min waqa’ lura fil-ħlas ta’ taxxa minħabba problemi temporanji u barra mill-kontroll tiegħu u każijiet anqas ġenwini minbarra li tiddiskrimina kontra min iħallas it-taxxa, għandha tiġi rtirata.
Huma sostnew li permezz ta’ dan l-avviż legali, persuni li waqgħu lura fil-ħlas tat-taxxa tagħhom, jistgħu jaqtgħu dak li hu dovut minnhom billi jittrasferixxu taxxa li suppost kellha titħallas fuq trasferimenti ta’ proprjetà.
Il-Kelliema tal-PN tennew li tul il-pandemija, “l-Oppożizzjoni dejjem appoġġat kull inizjattiva tal-Gvern li tippermetti għal differiment tal-ħlas ta’ taxxa għal sidien ta’ negozji li jsibu ruħhom f’diffikultà. Madanakollu, l-PN jemmen li din l-amnestija hija diskriminatorja u daqqa ta’ ħarta lejn kull min ħallas sal-inqas ċenteżmu ta’ taxxa.”
“L-Oppożizzjoni tistaqsi wkoll il-motivazzjoni u lil min irid jaġevola l-Gvern Laburista biex kien lest jintroduċi miżura li tmur kontra l-pjan ta’ azzjoni stabbilit mill-FATF biex Malta titneħħa mil-lista l-griża,” saħqu l-Kelliema tal-PN , filwaqt li qalu li dan kollu sar minn wara dahar kulħadd, kif jixhdu stqarrijiet ta’ kundanna minn bosta istituzzjonijiet li jirrappreżentaw negozji u professjonisti differenti.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li dan mhux aċċettabbli u għaldaqstant l-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq mozzjoni fil-Parlament biex titlob il-Gvern jirtira minnufih dan l-Avviż Legali li jkompli jgħarraq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.