L-Awtorità Tax-Xandir Tagħti Raġun Lill-PN Dwar Reklamar Marbut Mal-Budget

F’deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir, il-Partit Nazzjonalista ngħata raġun għall-ilment li għamel b’rabta ma’ reklamar marbut mal-Budget 2022 fuq ix-xandir pubbliku. Liema reklamar wassal għal żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija fakkar illi barra minn hekk reklami bħal dawn għandhom jitqiesu bħala reklami ta’ natura politika li huma projbiti mil-liġi sakemm ma jkunux parti minn skeda ta’ xandiriet politiċi awtorizzati mill-istess Awtorità tax-Xandir.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Awtorità tax-Xandir qieset li fir-reklamar tal-Gvern Laburista kien hemm dikjarazzjonijiet politiċi u għalhekk l-Awtorità ħasset li l-Oppożizzjoni kellha tingħata ċ-ċans li tagħti l-veduta tagħha dwar dak li kien qed jingħad.
Għaldaqstant l-Awtorità ordnat li l-istazzjonijiet pubbliċi jalloka spazju li fih il-Partit Nazzjonalista jirrimedja dan l-iżbilanċ.