“L-Immigranti M’Għandhomx Jiġu Strumentalizzati Minn Pajjiż Kontra Ieħor” – Il-Ministru Evarist Bartolo
Is-sitwazzjoni fil-Balkani tal-Punent, is-Saħel, il-fruntieri tal-Belarussja u l-Ukraina kienu s-suġġetti ta’ diskussjoni tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, li ltaqa’ llum fi Brussell.
Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea llum biddlu l-fehmiet tagħhom fuq il-Balkani tal-Punent bħala tkomplija tas-Summit ta’ Brdo li sar fuq livell ta’ mexxejja tal-UE f’Ottubru li għadda. Il-Ministru Evarist Bartolo saħaq li post il-pajjiżi tal-Punent tal-Balkani huwa fl-Unjoni Ewropea. Huwa fakkar fi żjarat riċenti li għamel f’dan ir-reġjun u enfasizza li l-Ewropa għandha bżonn il-pajjiżi tal-Punent tal-Balkani, għax ħaddieħor qed jikkapitalizza fuq il-vakum eżistenti. Żied jgħid li huwa importanti li l-UE tkattar il-perspettiva Ewropea fir-reġjun u li jeħtieġ arranġamenti akbar ma’ dawn il-pajjiżi biex l-UE tipproteġi aħjar il-fruntieri tagħha man-naħa ta’ isfel tal-Ewropa u mal-Mediterran.
Dwar is-sitwazzjoni attwali fir-reġjun tas-Saħel, primarjament il-kriżi fis-Sudan u l-Mali, il-Ministru Bartolo enfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-paċi u l-istabbilità fir-reġjun, li n-nuqqas tagħhom jista’ jhedded ukoll is-sigurtà tal-Libja, l-Afrika ta’ Fuq kollha u l-Ewropa.
Dwar il-ġlied fl-Etjopja bejn il-forzi tal-gvern u r-ribelli, il-Ministru Bartolo ħeġġeġ lill-UE biex taħdem mal-Unjoni tal-Istati Afrikani lejn id-djalogu, u tassisti n-naħat kollha involuti fil-ġlied biex jimpenjaw ruħhom b’mod kostruttiv.
Dwar il-Lvant tal-Mediterran, partikolarment is-sitwazzjoni f’Varosha, il-Ministru Bartolo rrimarka li l-atturi kollha għandhom joqogħdu lura milli jieħdu xi azzjoni unilaterali, peress li dawn jistgħu jheddu l-isforzi futuri għar-rijunifikazzjoni ta’ Ċipru.
Il-Ministru Bartolo indirizza wkoll il-kriżi attwali fuq il-fruntiera bejn il-Belarussja u l-Polonja. Il-Ministru Bartolo tenna b’mod ċar il-pożizzjoni ta’ Malta li l-immigranti m’għandhomx ikunu strumentalizzati minn pajjiżi kontra xulxin, fit-tilwim tagħhom mal-UE jew kwalunkwe stat membru jew stati individwali tal-UE. Madankollu, hemm bżonn ta’ sforz akbar biex is-sitwazzjoni tittaffa u jitnaqqsu t-tensjonijiet attwali.
Bi tħejjija għal-Laqgħa Ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant skedata għal Diċembru ta’ din is-sena, il-ministri skambjaw fehmiet dwar kif l-Unjoni Ewropea għandha tavvanza s-sħubija mal-viċinat tal-Lvant u l-importanza li s-sħubija tal-Lvant tkompli tagħti riżultati tanġibbli lin-nies ta’ dan ir-reġjun.
Fil-marġini tal-Laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, il-Ministru Bartolo ltaqa’ mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren f’laqgħa li kienet organizzat mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Pollakk għall-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE.
Ritratti: DOI