“L-Isptarijiet Tagħna Saru Tal-Ħbieb Korrotti Ta’ Muscat Li Issa Nafu Li Qed Jibgħatulu L-Eluf Mill-Iżvizzera” – Robert Aquilina
“Il-Prim Korrott Joseph Muscat, li fis-7 snin li għamel Prim Ministru bidel 5 Kummissarji tal-Pulizija imma dejjem żamm ma’ djulu lill-korrotti Keith Schembri u Konrad Mizzi, dalgħodu qed jilmenta li aħna ta’ Repubblika miegħu nużaw, kejl differenti”
Hekk kiteb il-President tal-għaqda Repubblika ftit tal-ħin ilu f’reazzjoni għal dak li kiteb l-eks Prim Ministru Joseph Muscat wara li Robert Aquilina għamel rapport lill-Pulizija sabiex Muscat jkun investigat.
“M’għandix dubju li Muscat iridna nużaw l-istess kejl li, pereżempju, uża hu meta neħħa lil John Rizzo minn Kummissarju tal-Pulizija biex l-Eks Ministru Nazzjonalista korrott John Dalli ma jitressaqx il-Qorti u seta’ jaħtru konsulent ewlieni tiegħu,” saħaq Aquilina fil-messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu.
Aquilina fakkar lil Muscat li “minħabba l-kejl oxxen li uża hu f’pajjiżna nħoloq ambjent ta’ impunità li fih setgħet tinqatel ġurnalista. Infakkru li dan il-kliem mhux qed ngħidu jien imma kitbuh 3 Imħallfin f’rapport ta’ inkjesta tal-Istat Malti.”
Huwa kompla jgħid li minħabba l-kejl mgħawweġ li uża Muscat, pajjiżna ġie umiljat mad-dinja kollha u l-uniku ħaġa li saret tagħna lkoll hija l-lista l-griża. Aquilina kompla jisħaq li “l-isptarijiet li kienu tal-Maltin u tal-Għawdxin ma baqgħux tagħna lkoll imma saru tal-ħbieb korrotti tiegħu li issa nafu li qed jibgħatulu l-eluf mill-Iżvizzera.”
“Lill-Prim Korrott Muscat inserraħlu moħħu li l-kejl tagħna huwa ferm differenti mill-kejl pervers tiegħu. Inserraħlu moħħu wkoll li se nagħmlu kulma nistgħu biex Angelo Gafà u Robert Abela jwarrbu dak il-kejl u jibdew iservu l-ġustizzja u mhux lilu li fl-2019 ngħata t-titlu tal-iktar politiku korrott fid-dinja,” tenna l-President tal-għaqda Repubblika.
Robert Aquilina temm jgħid lil Joseph Muscat, “postok u post il-korrotti sħabek huwa l-ħabs. Kif kont tgħid int, l-aqwa żmien għadu ġej!”