Leo Brincat Jagħmel Żjara Uffiċjali Fl-Uffiċċju Nazzjonali Tal-Verifika
Il-membru Malti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) is-Sur Leo Brincat dalgħodu għamel żjara uffiċjali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fejn ġie milqugħ mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara u mid-Deputat Awditur Ġenerali Noel Camilleri.
L-għan prinċipali ta’ din iż-żjara kien biex is-Sur Brincat jippreżenta lill-Awditur Ġenerali kopja tar-Rapport Annwali tal-Qorti li għadu kif ġie ppubblikat nhar it-Tlieta li għadda.
Waqt l-indirizz tiegħu, is-Sur Brincat enfasizza l-bżonn li l-koperazjoni bejn l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tibqa’ dejjem tissaħħaħ speċjalment l-aktar għaliex l-objettivi taż-żewġ entitajiet huma prattikament identiċi – essenzjalment li jsir l-aqwa użu tal-fondi pubbliċi, fl-aħjar interess taċ-ċittadini kollha tagħna. Huwa esprima l-apprezzament tiegħu għax-xogħol siewi li qed isir mill-NAO biex tissaħħaħ dejjem aktar il-governanza tajba fis-settur pubbliku. Is-Sur Brincat qal ukoll li l-pandemija COVID-19 ressqet viċin lill-Qorti tal-Awdituri ma’ sieħba oħra ta’ stima, għax apparti li żdiedu l-kuntatti f’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza, il-partijiet involuti kellhom l-opportunità li jpoġġu fil-prattika lezzjonijiet li tgħallmu mingħand xulxin. Dan ippermetta li jibqgħu jinħarġu rapporti ta’ livell għoli minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli li d-dinja kellha tħabbat wiċċha magħhom.
Finalment, is-Sur Brincat wassal ukoll l-apprezzament sħiħ tiegħu lill-NAO għall-organizzazzjoni ta’ seminar konġunt ieħor li għandu jsir għada filgħodu. Huwa qal li dawn l-attivatijiet huma importanti għax permezz tagħhom l-istaff tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u tad-Dipartiment tal-Internal Audit and Investigations ikun jista’ jinżamm aġġornat dwar l-aħjar prattiki u aġġornamenti fil-qasam tal-awditjar għas-settur pubbliku, speċjalment dwar suġġetti emerġenti f’dan il-qasam.
Min-naħa tiegħu, l-Awditur Ġenerali rringrazzja lis-Sur Brincat li minkejja l-bosta impenji li għandu matul din iż-żjara qasira f’Malta sab il-ħin li jerġa’ jżur l-Uffiċċju. Hu awgura li s-seminar konġunt li se jsir għada jkun ieħor ta’ suċċess bħalma kienu s-seba’ edizzjonijiet li saru qabel.
L-Awditur Ġenerali kkonferma li r-Rapport Annwali tiegħu għal din is-sena huwa fi stat avvanzat ħafna u huwa mistenni li jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. Fil-fatt, huwa esprima l-apprezzament sħiħ tiegħu lid-Deputat Awditur Ġenerali, lill-management u lill-istaff kollu tal-Uffiċċju għad-dedikazzjoni, il-kompetenza u l-professjonalità li konsistentament juru fix-xogħol tagħhom – kif rifless fil-bosta rapporti fuq temi differenti li ġew ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika matul din is-sena.
Ritratti: DOI