Mill-1 Ta’ Jannar 2022 Mhux Ħa Tkun Tista’ Tikteb Ċekk Ta’ Inqas Minn €20
Mill-1 ta’ Jannar tal-2022 mhux ħa tkun tista’ tikteb ċekkijiet li l-ammont jkun inqas minn €20, filwaqt li ċekkijiet ta’ aktar minn €5,000 mhux ħa jkunu jistgħu jiġu msarrfa fi flus kontanti, iżda jiġu depożitati fil-kont tal-benefiċċarju.
Dan ġie mħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Jesmond Gatt, uffiċjali tal-Bank Ċentrali qal li din id-deċiżjoni ittieħdet sabiex tkompli tnaqqas ir-riskji relatati ma’ ċekkijiet u bank drafts, kif ukoll sabiex tinċentiva lill-konsumaturi biex jaqilbu għal servizzi elettroniċi li huma aktar effiċjenti u traċċabbli.
Miżura oħra li se tkun qed tidħol fis-seħħ hija li ċ-ċekkijiet iridu jkunu bid-data tal-ġurnata li jkun ħareġ, kif ukoll jista’ jissarraf biss mill-persuna msemmija fiċ-ċekk.
Waqt il-konferenza ntqal ukoll li persuni li jaħdmu fil-qasam legali mhux ħa jkunu jistgħu jsarrfu l-ebda ċekk, iżda jistgħu biss jiddepożitaw fil-kont tal-bank tagħhom.
Ċekkijiet se jibqgħu validi għal 6 xhur.