“Gvern Laburista Hu L-Garanzija Tal-Orħos Kontijiet” – Il-PL

 “Gvern Laburista Hu L-Garanzija Tal-Orħos Kontijiet” – Il-PL

“Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali ppubblikat ilbieraħ jikkonferma kif is-sistema tal-kontijiet hi l-istess waħda mħaddma minn dejjem. Fi kliem ieħor minn żmien Gvern Nazzjonalista. U għalhekk l-uniku differenza llum hi li għandna kontijiet orħos.”

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista fejn saħaq li llum il-Maltin mhux biss igawdu kontijiet orħos minn żmien Gvern Nazzjonalista, iżda wkoll orħos minn ta’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea. “L-istatistika tal-Eurostat tindika li l-familji tagħna għandhom it-tielet l-orħos kontijiet fl-Unjoni Ewropea u l-orħos fiż-żona ewro. Dan għax anke f’mument ta’ kriżi internazzjonali l-gvern għażel li jkun man-nies.”

Il-PL kompla jsostni li agħar minn hekk l-Awditur Ġenerali kkonferma kif bi proposti mgħaġġla u mhux maħsuba, kif ilu jagħmel il-Partit Nazzjonalista, jispiċċaw jogħlew il-kontijiet tal-iktar konsumaturi bil-għaqal.

“Ta’ min ifakkar li l-uniku Gvern li seraq lill-Maltin u l-Għawdxin fil-kontijiet tal-enerġija kien gvern Nazzjonalista li għabba lill-Maltin b’piżijiet ferm ikbar minn dawk ta’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea.”

Il-PL tenna li bejn l-2008 u l-2013, meta d-deputati ta’ Bernard Grech kienu Ministri, Malta kellha l-ogħla żieda fil-prezz tal-elettriku għall-familji fl-Unjoni Ewropea. Bejn l-2013 u l-2021 Malta kellha r-raba’ l-akbar tnaqqis fil-prezz tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea.

Fl-istqarrija l-PL temm jgħid li jekk ikun fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jagħmel l-istess bħal qabel l-2013. “Għax Bernard Grech qal fl-aħħar ġimgħat li la żdied madwar id-dinja jkun żdied għal kulħadd, inkluż il-Maltin. Fi kliem ieħor il-Partit Nazzjonalista hu garanzija ta’ kontijiet ogħla. Minn naħa l-oħra Gvern Laburista hu l-garanzija tal-orħos kontijiet.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com