“Min Hu L-Aqwa Jħawwel – Din Hi S-Sitwazzjoni Fil-Port Tal-Imġarr, Għawdex” – Alex Borg
“Il-Port tal-Imġarr, Għawdex sar żgħir wisq u dan kollu għad-detriment tas-sajjieda, li dan l-aħħar spiċċaw jiġġieldu għal post biex jorbtu l-bastiment tagħhom għax ħadd ma għandu post sigur fejn jista’ jagħmel dan.”
Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kandidat Għawdxi tal-PN Alex Borg fuq il-mezzi soċjali tiegħu fejn tkellem dwar din il-problema li qed jiffaċċjaw sajjieda Għawdxin.
Alex Borg tenna li s-sajjieda qed jibżgħu għal ħobżhom u spiċċaw imur iħabbtu l-bibien ta xi Ministru jew ieħor u “ovvjament l-ebda Ministru ma qal le,” tenna Borg. “Anzi assiguraw lil kulħadd li ser ikollu post, meta dan qatt ma jista’ jkun għax f’90 spazju li hemm vijabbli ma tistax iddaħħal ‘il fuq minn 300 post,” kompla jisħaq Alex Borg fil-messaġġ tiegħu.
Apparti hekk kompla Borg “ma semmejniex li l-Armata għadha bla post sigur għax minn meta daħlet fis-seħħ il-‘Fast Ferry’, l-Armata kellha tmur f’post fejn qabel kien jintuża’ mis-sajjieda.”
“X’ser jiġri eżatt mis-sajjieda?” staqsa, filwaqt li kompla jistaqsi lill-awtoritajiet, “kif ser jitqassmu l-irmiġġi eżatt? Min ser ikun preferut l-ewwel – MFA, MFB jew xi MFC? X’ser jiġri eżatt mill-SAR tal-Armata?”
“Is-sajjieda tagħna jixirqilhom aħjar. Tibqgħux titrattaw lil dawn il-familji ta’ boloh!” temm jgħid Alex Borg.